Illum, Simon Schembri nħatar fil-kariga ta’ surġent waqt ċerimonja mmexxija mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru Farrugia qal li malli sar jaf bl-inċident li kien seħħ, żar lil Simon Schembri fl-Emerġenza u kull ġurnata li għaddiet ra lil Simon Schembri jaqleb għall-aħjar.
Huwa spjega li din il-kariga ngħatat lil Schembri minħabba l-ispirazzjoni u l-għaqda li rnexxielu jġib fil-Korp tal-Pulizija.
Fakkar ukoll fil-fondazzjoni mwaqqfa mill-istess Schembri li tgħin lill-membri tal-korpi dixxiplinati meta jkollhom bżonn l-għajnuna.
Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju Lawrence Cutajar qal li ċ-ċerimonja hi importanti għall-Korp tal-Pulizija għax hi riżultat tax-xogħol li rnexxielu jikseb Simon Schembri wara l-inċident. Qal li l-ħidma li wettaq Simon Schembri kienet ta’ ispirazzjoni kbira għalih u għall-membri kollha tal-Korp.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korp Angelo Gafà, uffiċjali għolja fil-Korp u s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Kevin Mahoney attendew għaċ-ċerimonja.