Żewġ karattri u l-Marshall Aid: Il-ġlidiet interni fil-partiti (2)
Din is-sena bdiet b’ħafna attenzjoni fuq Adrian Delia u l-Partit Nazzjonalista. Imma d-diżgwid intern huwa xi ħaġa ġdida? Il-gazzetta ILLUM tħares lejn il-ġlieda Mintoff-Boffa f’din is-serje ta’ żewġ artikli...
minn Albert Gauci Cunningham
Fl-aħħar tas-sena l-oħra u fil-bidu ta’ din is-sena, is-suġġett politiku ewlieni kien il-Partit Nazzjonalista u ġlied intern li għaddej fih bejn min jappoġġja u min ma jridx lil Adrian Delia bħala Kap tal-istess partit.
Din il-gazzetta, f’artiklu maqsum f’żewġ partijiet, qed tagħti sfond u kuntest storiku tal-akbar ġlidiet politiċi fi ħdan iż-żewġ partiti ewlenin: il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista, minn tmiem il-gwerra lil hawn.
Il-ġimgħa l-oħra tajna ħarsa lejn il-waqgħa ta’ Gvern Laburista mmexxi minn Alfred Sant fl-1998, meta L-eks PM Laburista Dom Mintoff ivvota kontra l-Gvern f’mozzjoni ta’ fiduċja. Tajna ħarsa wkoll lejn ir-ribelljoni fil-Partit Nazzjonalista bil-maġġoranza assoluta tad-deputati Nazzjonalisti jivvutaw kontra r-rieda ta’ Borg Olivier fuq il-Kostituzzjoni Repubblikana. Dan il-vot seħħ fiż-żmien meta kien hemm talba ta’ 21 deputat tal-PN biex Borg Olivier jirreżenja u jagħmel il-wisa’ għal kap ġdid.
Illum se nagħtu ħarsa lejn il-qasma fil-Partit Laburista lura fl-1948, meta Mintoff ħadha qatta bla ħabel kontra Pawlu Boffa, dak iż-żmien Mexxej tal-Partit Laburista fl-ewwel amministrazzjoni Laburista.
Riformista: bidliet fis-sistema tat-taxxa
L-ewwel gvern Laburista beda jmexxi lil pajjiżna fl-1947, ftit wara li spiċċat it-Tieni Gwerra Dinjija. Kien perjodu illi fih pajjiżna, jew partijiet minnu, kien litteralment imfarrak.
Il-Labour Party kien kiseb kważi 60% tal-voti fl-elezzjoni tal-1947. Dan kien riżultat tajjeb ħafna li wieħed jeħtieġ jitfa’ fil-kuntest tat-Tieni Gwerra Dinjija, illi matulha l-mexxejja tal-Partit Nazzjonalista, fosthom Enrico Mizzi, kienu internati lejn l-Uganda. Dan ġara minħabba illi kienu akkużati illi qed jaħdmu mal-Faxxisti u allura ma’ Mussolini, li min-naħa tiegħu kien alleat ta’ Adolf Hitler.
Mizzi kien arrestat nhar it-30 ta’ Mejju 1942 flimkien ma’ 42 persuna oħra, akkużati li qed jaħdmu mal-Faxxisti Taljani u ġew iddeportati. Fl-1945 Mizzi, flimkien mal-oħrajn, reġgħu ntbagħtu lura f’Malta. Dan ifisser allura li apparti l-gwerra, dan l-internament flimkien mal-allegazzjonijiet ta’ qrubija mal-Faxxiżmu kienu għadhom friski.
Mario Cutajar, fil-ktieb tiegħu ‘Mintoff: il-Bniedem u l-Istorja’ jgħid illi dan il-Gvern beda ċerti riformi, fosthom ir-riforma tat-taxxa tas-suċċessjoni u anke l-liġi tat-taxxa tad-dħul. Dawn il-bidliet kienu ppilotati lkoll minn Turu Colombo, il-Ministru tal-Finanzi.
Dak iż-żmien il-Knisja kienet ħarġet kontra dawn il-miżuri, speċjalment dik tas-suċċessjoni. Dan l-aktar minħabba li t-taxxa tad-dħul kienet immirata l-aktar għal dawk li jaqilgħu l-aktar, bil-filosofija illi min jaqla’ l-aktar iħallas l-aktar, bil-flus imorru għand dawk li huma l-aktar vulnerabbli.
Minn hemmhekk bdiet pressjoni qawwija fuq Boffa. li kemm fil-ktieb ta’ Cutajar u anke fil-ktieb ‘My Century’ ta’ Michael Refalo, huwa deskritt bħala karattru iktar kwiet. Refalo fil-fatt, meta kien qed iqabbel lil Boffa ma’ Mintoff sostna hekk: “Boffa fuq in-naħa l-oħra ma kienx ġelliedi, u wara 25 sena fil-politika kien tgħallem li aħjar tevita l-konfrontazzjoni.”
Mill-kwistjoni tat-tassazzjoni bdiet il-firda fil-Labour Party, bejn dawk li jridu illi r-rati tat-taxxa kif imħabbrin mill-Gvern ma jinbidlux, u dawk li kienu lesti jaslu għal kompromess. Il-partit fil-fatt kien maqsum u kien hemm diverġenzi ta’ ħsieb bejn l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista u l-Grupp Parlamentari.
Boffa ċeda. Iżda malli għarraf bid-deċiżjoni tiegħu u tal-Grupp Parlamentari lill-Eżekuttiv qam E. Tabone u ressaq mozzjoni kontra dak li ddeċieda l-Grupp Parlamentari. Fil-mozzjoni tiegħu Tabone kien sostna illi jekk ma jintlaħaqx ftehim il-każ imur quddiem il-Konferenza Ġenerali.
Din ma ntlaqgħetx għax kien instab kompromess.
Mintoff: elett Deputat Mexxej għar-rabja ta’ Colombo
Minn hawnhekk kompla tiela’ tarġa, tarġa Duminku Mintoff li nhar it-8 ta’ Novembru 1947, fit-Teatru Tivoli Raħal Ġdid, kien elett Deputat Mexxej tal-Labour Party b’191 vot. Kontra Mintoff kien hemm Colombo, li kiseb ħafna inqas voti minnu.
Colombo kien ħa xi ftit għalih u beda jaħdem kemm jiflaħ biex joskura lil Mintoff ma’ Boffa.
Ifred u saltan – il-logħba tal-Ingliżi
L-Ingliżi kellhom strateġija quddiem is-sitwazzjoni ta’ pajjiżna: ifred u saltan.
Fil-fatt l-Ingliżi kien jaqblilhom bis-sitwazzjoni kif kienet. Il-Knisja kienet, pereżempju, ma’ Boffa. Kien hemm avveniment partikolari li seħħ fil-Jubilee Hotel, f’San Pawl il-Baħar, fl-1 ta’ Mejju 1948 organizzat miż-żgħażagħ tal-Labour Party. Matulu grupp ta’ żgħażagħ, xħin wasal Mintoff, bdew jgħajtu għajjat kontra l-Papa, liema għajjat wasal f’widnejn l-Arċisqof Mikiel Gonzi.
Fuq il-ktieb ta’ Refalo jingħad illi Gonzi kien sostna hekk: “Bl-awtorità episkopali, nipprotestaw bis-saħħa lejn ir-rimarki offensivi u antiklerikali u l-insulti lejn l-Qdusija Tiegħu, il-Papa... kif ukoll dagħa u kant repetut ta’ The Red Flag...”
The Red Flag huwa innu Soċjalist, li huwa mibdul ukoll biex jitkanta f’xi partiti Komunisti.
Kontra Mintoff naturalment kien qed jaħdem ukoll Colombo.
L-Ingliżi kienu komdi b’din is-sitwazzjoni u kienu parti mill-kawża li wasslet biex il-Labour Party jinqasam.
Il-Marshall Aid – il-kalċi vvalenat
Il-Marshall Plan, uffiċjalment magħruf bħala l-European Recovery Program, kien inizjattiva Amerikana biex tgħin lill-pajjiżi tal-Punent. Allokat għal dan il-pjan kien hemm $12-il biljun f’assistenza ekonomika. Dan il-pjan ħa post il-Morgenthau Plan u beda f’April 1948.
Il-ktieb tal-eks Ministru Nazzjonalista, ifakkar kif Mintoff kien jirraġuna illi Malta ma kinitx qed tieħu biżżejjed mill-flus li kien qed iqassam l-Imperu Ingliż. Fil-fatt mill-flus kollha li ħa r-Renju Unit ifakkar kif pajjiżna rċieva $1 miljun għal 10 snin. Il-Gvern Brittaniku, min-naħa tiegħu sostna illi ħafna mill-flus tal-Marshall Aid marru biex isostnu r-riservi tad-deheb u d-dollaru.
Is-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż, intant, kienet waħda ħażina ħafna u baqgħet sejra lura meta l-Gvern Ingliż keċċa 1,200 ħaddiem mit-Tarzna.
Naturalment Mintoff ma kienx jaqbel mal-fatt li Malta ħadet somma daqstant żgħira ta’ flus, u minn hemm beda l-inkwiet bejnu u bejn Boffa, inkwiet li wassal għall-akbar u l-unika qasma f’partit politiku mill-1945 sal-lum.
Mintoff jitlob għal referendum
Fid-dawl tas-sitwazzjoni Mintoff kien talab li l-kwistjoni tmur quddiem il-poplu biex ikun hu li jiddeċiedi.
L-għażla li kien qed jitlob li ssir Mintoff hija li jew Malta tkun mal-Ingliżi jew inkella mingħajrhom u allura taħdem mal-Amerikani. Din fil-fatt kienet l-ewwel xrara ta’ triq twila li wasslet lil Malta għal avvenimenti politiċi importanti: il-kwistjoni tal-Integration jew Self Determination, l-Indipendenza, u finalment (il-ħolma ta’ Mintoff) il-Ħelsien.
Mintoff kien ta ultimatum meta qal hekk: “Jekk il-Gvern Brittaniku ma jiddeċidix fuq il-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Marshall Aid sa data mhux aktar tard mit-22 ta’ Awwissu 1949... il-Gvern Malti jpoġġi l-kwistjoni quddiem il-poplu...”
U allura kien dan l-ultimatum illi witta t-triq għall-aħħar u l-eqqel battibekki bejn Boffa u Mintoff.
Boffa kien iddeċieda li jiffirma d-dokument bl-ultimatum b’kollox, avolja għamel dan kontra qalbu.
Mintoff f’Londra... Boffa fid-dlam
Mintoff kellu pjan ċar u kien qed jitlob li Malta tingħata $6 miljuni kull sena bħala Marshall Aid filwaqt li ra l-emigrazzjoni bħala parti mill-pjan ekonomiku, jinsisti Refalo fil-ktieb tiegħu.
Il-Gvern Ingliż iżda lagħab logħba. Iddeċieda li jpoġġi żewġ kundizzjonijiet għall-progress tad-diskussjonijiet. Dawn kienu: li jitneħħa l-ultimatum u li jiddiskutu mal-Prim Ministru Boffa biss.
Naturalment din ma niżlet tajjeb xejn ma’ Mintoff, li ltaqa’ ma’ Boffa u indikalu li lest jaħdem miegħu basta ma jitwaqqax l-ultimatum li għamel lill-Ingliżi.
Fil-ktieb tiegħu Refalo jgħid li Mintoff u Boffa ma kinux jafdaw lil xulxin, b’Boffa jara lil Mintoff bħala dak li ried akkost ta’ kollox tgħaddi tiegħu fin-negozjati mal-Ingliżi, filwaqt li Mintoff kien jara lil Boffa bħala raġel bla sinsla li se jċedi għal dak li kien se joffri l-Aġent Gvernatur Sir David Campbell.
Nhar it-12 t’Awwissu Boffa wasal Londra fejn bdew il-laqgħat dwar pajjiżna, filwaqt li l-Kabinett, minn wara dahar Mintoff, iddeċieda li jneħħi l-ultimatum li kien għamel Mintoff lill-Ingliżi.
Mintoff u r-rappreżentant tal-Labour Party f’Londra Edward Ellul irreżenjaw.
‘Ma nibżgħu minn xejn u minn ħadd’
Mintoff kien ilu jindika riżenja speċjalment f’komunikat li kellu ma’ Boffa meta kien qal hekk: “Inħoss li m’iniex fdat. Naf minn esperjenza preċedenti li inti se tkun dgħajjef, titubanti u se tkisser kollox. Sakemm ma niġġildux bil-qawwa kollha, Malta titlef kollox. Ma nistgħu nibżgħu minn ħadd u minn xejn. Jekk titla’ Londra int ninżel Malta immedjatament u nħalli lilek tinnegozja. Ma nistax nibqa’ naħdem miegħek u nirreżenja meta tixtieq int.”
L-attakki ta’ Mintoff ma waqfux filwaqt li Boffa kien saħansitra implika li Mintoff qed jintroduċi l-Komuniżmu f’pajjiżna.
Mintoff idawwar lill-partit kontra Boffa
Nhar il-25 ta’ Settembru 1949, 400 delegat Laburist iltaqgħu fit-Teatro Orpheum, il-Gżira. Dakinhar tressqet mozzjoni titlob illi l-firda fil-partit tkun imfejqa, liema mozzjoni kisbet 120 vot favur u 120 vot ieħor kontra.
Meta l-votazzjoni fuq din l-istess mozzjoni saret fil-privat, ħareġ iktar fiċ-ċar in-nuqqas ta’ qbil li kien jeżisti fil-Labour Party. 202 delegati vvutaw kontra r-rieda tal-għaqda fil-partit u 184 favur.
Nhar it-2 t’Ottubru 1949, fir-Radio City Opera House fil-Ħamrun, id-delegati vvutaw fuq mozzjoni tal-Perit Dom Mintoff, issa ftit biss ’il bogħod mit-tmexxija tal-partit. Il-mozzjoni kienet tgħid li fil-klima ekonomika ta’ dawk is-snin Boffa ma kellux il-kwalitajiet neċessarji biex imexxi lill-partit u lill-pajjiż.
Il-mozzjoni ta’ Mintoff għaddiet b’244 vot favur u 141 kontra.
L-Eżekuttiv tal-partit irreżenja u Leli Tabone ressaq mozzjoni għall-elezzjoni ta’ mexxej ġdid liema elezzjoni kienet ikkontestata biss, minn Mintoff.
Mintoff kien sostna illi Boffa u dawk li kienu qed jappoġġjawh, fosthom Colombo, ma kinux jirrappreżentaw ir-rieda tal-poplu, u allura ma setgħux jibqgħu fil-poter.
Boffa kien baqa’ Prim Ministru sena oħra qabel imbagħad sejjaħ elezzjoni. Il-kampanja elettorali tal-1950 kienet waħda akkanita li kkonfermat bil-qawwi l-qasma li kien hemm fost il-votanti Laburisti wkoll.
Fil-fatt il-Labour Party, immexxi minn Mintoff, kien kiseb 27.5% tal-voti u l-Malta Workers Party li beda jmexxi ġab 27.5% wkoll.
Kemm Boffa kif ukoll Mintoff kienu ġew eletti minn distretti differenti għalkemm kienu t-tnejn eletti fuq l-ewwel distrett. F’dan id-distrett waħdu Boffa ġab 2,354 vot u Mintoff 2,780 vot fl-ewwel għadd.