Il-PD jakkuża lill-Awtorità tax-Xandir li qed tikser il-Kostituzzjoni

Fi kliem il-Partit Demokratiku, l-Awtorità tax-Xandir qed tiffavorixxi liż-żewġ partiti l-kbar

Il-Partit Demokratiku saħaq li l-iskema mħabbra mill-Awtorità tax-Xandir biex il-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew jistgħu jixtru riklami fuq ir-radju, thedded il-Kostituzzjoni għax fi kliemu tiffavorixxi ż-żewġ partiti l-kbar.

“Il-partiti l-kbar qegħdin f’pożizzjoni li jiddominaw ir-radju tal-Awtorità tax-Xandir bil-flus li għandhom, bi ksur ta’ Artiklu 119 tal-Kostituzzjoni,” stqarr il-Kap tal-Partit Godfrey Farrugia. “Dan l-artiklu jgħid li l-funzjoni tal-Awtorità tax-Xandir hi li tiżgura, kemm jista’ jkun, li fis-servizzi tax-xandir fuq ir-radju u televiżjoni pprovduti minn Malta, ikun hemm imparzjalità fir-rigward ta’ politika jew kontroversja industrijali jew policy pubblika kurrenti, u li l-faċilitajiet ta’ xandir u ħin għandhom ikunu mqassma b’mod ġust bejn il-kandidati ta’ partiti politiċi differenti.”

Kien għalhekk li l-PD akkużat lill-Awtorità tax-Xandir li m’għandhiex il-funzjoni verament indipendenti li istituzzjoni imparjzali suppost għandu jkollha u insista li dan għandu jiġi indirizzat.

L-istqarrija ttemm tisħaq li l-ħatra tal-membri preżenti tal-Awtorità tax-Xandir ma saritx fl-interess pubbliku imma fl-interess taż-żewġ partiti l-kbar.

“Hija sfortuna li l-Awtorità tax-Xandir f’Malta saret istituzzjoni politika taż-żewġ partiti,” temm jgħid il-PD.

More in Politika