Simon Busuttil irrisponda bil-qawwa lill-Edward Zammit Lewis u Robert Abela li lbieraħ waqt konferenza tal-aħbarijiet sostnew illi kienu l-istrateġiji ta' Busuttil innifsu li wasslu biex tweġġa r-reputazzjoni ta' Malta u allura affetwat il-perċezzjoni tal-korruzzjoni f'pajjiżna.
Ara x'jgħid ir-rapport ta' Trasparency International li juri kif Malta Malta niżlet ħamest postijiet fl-indiċi tal-korruzzjoni
"Araw kif dawn iż-żewġ deputati tal-Partit Laburista qed jinsulentaw l-intelliġenza tagħkom. Għax bir-raġun, kull min juża moħħu jħossu insultat meta tgħidlu li qed jagħmel ħsara mhux min huwa korrott imma min jiġġieled il-korruzzjoni. Ħasbu li n-nies huma n-nagħaġ ta' bendu," sostna Busuttil.
Huwa sostna li fil-passat huwa wkoll kien meqjus traditur ta' Malta minn Joseph Muscat u Alfred Sant meta "kont nistinka biex Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea ... pero ma qtajtx qalbi u llum kulħadd jaf min kellu raġun. Anki l-Partit Laburista stess."
Huwa temm jikkwota lil Eddie Fenech Adami "min ma jiġġilidx il-korruzzjoni huwa korrot."