Minn tal-inqas 1,800 familja se jkunu qed jibbenefikaw minn benefiċċju ġdid tal-kera ta’ residenza privati, li daħal fis-seħħ illum u li se jkun qed jieħu post is-sussidju eżistenti u dan kif imħabbar il-Baġit għal din is-sena.
Taħt din is-sistema l-ġdida:
- persuna waħidha li qabel setgħet tieħu massimu ta’ €1,600 fis-sena, issa tista’ tieħu massimu ta’ €3,600;
- Żewġ adulti mingħajr tfal li qabel setgħu jieħdu massimu ta’ €1,900 fis-sena, issa jistgħu jibbenefikaw sa €3,600; u
- Koppji bit-tfal u ġenitur wieħed b’wild wieħed ukoll raw żieda ta’ bejn €2,800 u €3,000 fuq dak li kienu jieħdu qabel.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u mis-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, ġie spjegat kif b’kuntrast mas-sussidju li kien jingħata sal-lum, il-benefiċċju l-ġdid se jirrifletti aktar il-prezzijiet reali tal-kera, se jkollu rekwiżiti aktar ġusti ma’ każijiet ġenwini u se jinħadem mhux biss fuq id-dħul tal-applikant iżda wkoll fuq l-ammont ta’ kera mħallsa.
“Din hi bidla kbira mill-iskemi tal-passat fejn l-iskemi kienu orjentati biss għal familji bi bżonnijiet soċjali kbar. Permezz ta’ din l-iskema qed nifirxu iżjed l-għajnuna li se nagħtu. Fil-fatt qed ninkludu wkoll familji li d-dħul tagħhom jaqa’ fil-faxxa medja tad-dħul u se jkun qed jittieħed inkonsiderazzjoni diversi forom tal-familja,” qal il-Ministru Scicluna.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes spjega kif għall-ewwel darba, il-Gvern qed iħares lejn dak li jissejjaħ disposable income, fejn is-sussidju ma jkunx ikkalkulat fuq id-dħul totali biss iżda wkoll lejn kemm jifdallek wara l-ħlas tal-kera.
Il-benefiċċju l-ġdid se jalloka wkoll €125 addizzjonali fis-sena lil familji li jkollhom xi membru li jkun ibati minn xi diżabilità u €125 addizzjonali fis-sena lil familji b’aktar minn 5 membri. Familji li jkollhom jgħixu magħhom tfal fostered se jingħataw €300 addizzjonali fis-sena.
L-Awtorità tad-Djar se tiddetermina l-ammont ta’ benefiċċju li se jingħata fuq bażi individwali u dawk kollha li diġà qed jirċievu s-sussidju se jirċievu l-benefiċċju l-ġdid mingħajr bżonn ta’ applikazzjonijiet ġodda.