Il-Konsorzju Environment and Landscapes Consortium (ELC) qed tipprovdi lill-priġunieri b'ċans li jkunu jistgħu jerġgħu jintegraw fis-soċjetà billi toffrilhom xogħol fid-dipartiment tagħhom tat-tisbieħ.
Il-programm li bħalissa qed jipparteċipaw fih ħames priġunieri u li hemm pjani biex dawn jiżdiedu għal 10, qed jaċċetta fih persuni li jkunu għadhom se joħorġu mill-ħabs.
Uħud mill-priġunieri se jkunu pprovduti b'ċertifikazzjoni li hija ekwivalenti għal O Level.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin Randolf Spiteri faħħar lill-ELC u appella biex isiru iktar inizjattivi simili. "Maġġoranza kbira tan-nies jagħżlu li jisimgħu n-naħa l-ħażina tal-affarijiet, minflok it-tajjeb. L-ELC iżda qed tieħu pass lejn id-direzzjoni t-tajba," sostna Spiteri.
Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru tal-Intern Micheal Farrugia li qal illi s-soċjetà għadha qed tiċħad lin-nies li għamlu żball f'ħajjithom, "imma inizjattivi bħal dawn juru illi hemm ir-rieda minn dawn il-priġunieri biex jirranġaw ħajjtihom."