Il-Membru tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola sostniet li l-identità tal-ġeneru m’għandiex tkun klassifikata bħala disturb mentali. “Fl-aħħar snin imxejna ħafna ‘l quddiem, bl-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tmexxi l-proċess, iżda d-drittijiet tal-LGBTI+ xorta waħda mhux protetti bl-istess mod fl-Unjoni Ewropea, qalet l-MEP Metsola li ngħaqdet ma’ sejħiet fost partiti differenti biex isir dibattitu dwar dan fil-Parlament Ewropew.
“Għadni niltaqa’ ma’ wisq nies li jagħmlu kuntatt miegħi bi stejjer ta’ qsim il-qalb dwar diskriminazzjoni u anke vjolenza. Dan mhux aċċettabbli, u l-UE għandha bżonn protezzjoni kompressiva kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ identità tal-ġeneru, orjentazzjoni sesswali u karatteristiċi ta’ sess. L-isterilizzazzjoni hu rekwiżit għar-rikonoxximent tal-ġeneru legali fi tmien pajjiżi, waqt li 18 l-Istat Membru jirrikjedu dijanjosi tas-saħħa mentali. Kapaċi nagħmlu ferm aħjar minn hekk,” qalet l-MEP Metsola li hi Membru tal-InterGroup tal-LGBTI fil-Parlament Ewropew.
F’rapport addottat fl-4 ta’ Frar 2014, il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni biex taħdem fuq qafas ta’ politika multiannwali li jipproteġi d-drittijiet fundamentali tan-nies LGBTI. Roberta Metsola kienet innegozjat dan ir-rapport f’isem il-PPE. Dan is-suġġett mistenni jkun dibattut fil-Parlament Ewropew fil-ġimgħat li ġejjin.