Minn Marsaxlokk sal-Mellieħa ... Restawr fuq 15-il parroċċa b'fondi tal-UE
Investiment ta' €2.2 miljun fuq knejjes, kappelli, kampnari, pitturi u opri oħra...
More in Politika
Investiment ta' €2.2 miljun fuq knejjes, kappelli, kampnari, pitturi u opri oħra...
Beda x-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni ta’ diversi proġetti fi 15-il parroċċa f’Malta, b’investiment kapitali ta’ €2.2 miljun b’kofinanzjament ta’ 80% minn fondi tal-Unjoni Ewropea. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret illum quddiem il-Knisja Parrokkjali tan-Naxxar, indirizzata mis-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross, u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u d-Djalogu Soċjali Aaron Farrugia.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li matul dawn it-tliet snin ser jiġu rrestawrati faċċati ta’ knejjes u kappelli, kampnari, pitturi u opri oħra tal-arti, bil-għan li l-patrimonju reliġjuż jiġi mħares bl-aħjar mod u jitgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri.
Permezz tal-fondi ser isir mużew fil-kmamar li huma parti mill-Visitors’ Lodge fil-pjazza tas-Santwarju tal-Mellieħa. Ser jiġi rrestawrat ukoll l-arkivju fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana u ser isiru studji fuq il-bini tal-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija f’Birkirkara sabiex jiġi ddeterminat l-intervent meħtieġ minħabba ċaqliq strutturali.
Pace Ross, filwaqt li esprima s-sodisfazzjon għall-ħidma li saret biex jinkisbu l-fondi Ewropej, qal li permezz ta’ dan il-proġett estensiv ta’ konservazzjoni għandhom jiġu rrestawrati wkoll diversi opri tal-arti li ser ikunu jistgħu jitgawdew mill-pubbliku. Huwa wassal l-appell tal-Arċisqof Charles J. Scicluna li jisħaq dwar il-bżonn li napprezzaw is-sagrifiċċji ta’ missirijietna li esprimew il-fidi tagħhom fil-wirt reliġjuż li qed ingawdu llum, u li aħna fir-responsabbiltà li ngħadduh lil ta’ warajna. Is-Sur Pace Ross qal li fondi li jintużaw għar-restawr u konservazzjoni tal-wirt kulturali tagħna huma investiment għall-ħarsien tal-identità tagħna l-Maltin.
Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li permezz ta’ proġetti bħal dawn u bis-saħħa tal-fondi Ewropej, qed insaħħu l-kunċett ta’ komunitajiet f’pajjiżna, inħarsu l-wirt kulturali għal ġejjieni, u ntejbu l-prodott turistiku ta’ Malta. Huwa qal li permezz ta’ dawn il-proġetti, in-numru ta’ turisti hu mistenni jiżdied bi kważi mitejn elf turist sas-sena 2023. Farrugia qal li iktar minn €80 miljun ta’ fondi reġjonali ġew investiti fil-konservazzjoni u promozzjoni tal-wirt kulturali ta’ pajjiżna, u permezz ta’ dawn il-proġetti qed nagħrfu l-potenzjal turistiku ta’ wirt li jinsab lil hinn minn lokalitajiet li huma tipikament turistiċi. B’hekk, filwaqt li qed ninvestu f’proġetti kbar bħar-riġenerazzjoni tal-Palazz tal-Granmastru, it-Teatru Manoel, u l-MUŻA, qegħdin napprezzaw ukoll il-valur ta’ turisti f’niches oħra.
Il-parroċċi li qed jibbenefikaw mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2014-2020 huma: Birkirkara (Santa Marija u Sant’Elena), Ħ’Attard, Ħad-Dingli, Ħal Balzan, Ħal Għargħur, Ħal Tarxien, il-Mellieħa, il-Mosta (inkluż il-Bidnija), in-Naxxar, ir-Rabat, l-Imdina, l-lmġarr, Marsaxlokk u Raħal Ġdid (Kristu Re).
Dan il-proġett wiesa ta’ restawr u konsverazzjoni f’għadd ta’ parroċċi ser ikun qed joffri wkoll esperjenza unika lil dawk il-persuni nkluż turisti li jżuruhom, bil-ħolqien ta’ heritage trail li ser tgħaqqad dawn is-siti skont iż-żoni fejn jinsabu (fin-naħa ta’ fuq, fiċ-ċentru u fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta).