“Il-Kostituzzjoni ta’ Malta għandna nqisuha bħala dokument ħaj li jirrifletti l-valuri u l-aspirazzjoinijiet tal-poplu Malti.” Dan qalu Carmel Cacopardo Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika l-bieraħ waqt laqgħa kordjali ta’ Alternattiva Demokratika mal-kumitat koordinattiv dwar ir-riforma kostituzzjonali immexxi mill-President tar-Repubblika Marie-Louise Coleiro Preca.
“Ir-riforma kostituzzjonali”, żied jgħCarmel Cacopardo, “għandha tirrifletti dan il-fatt, għax il-pajjiż illum fir-realtà jħaddan pluraliżmu etiku u dan għandu jkun rifless fil-kostituzzjoni reveduta. Għaldaqstant, flok mal-kostituzzjoni tintrabat ma reliġjon waħda, dik Kattolika Appostlika Rumana, għandha tiddikjara rispett lejn kull reliġjon kompatibbli mal-istat demokratiku.”
“Il-Kostituzzjoni, fil-forma li għandna illum,” żied jgħid Cacopardo “hi prodott ta’ diskussjoni u kompromessi kkonsolidati fuq medda ta’ kważi 60 sena. Uħud mill-kompromessi li wasslu għall-kostituzzjoni li għandna illum, idarsuna meta nħarsu lejhom mil-lenti tagħna tal-lum. Irridu nifhmu, imma, l-kuntest li fih tfasslu dawk il-kompromessi u li wasslu biex il-pajjiż iħoll il-kobba li kellu quddiemu dakinnhar. Biex intejbu l-kostituzzjoni li għandna illum jeħtieġ li nibnu fuq il-kompromessi tal-bieraħ biex anke a bażi tal-esperjenzi tul is-snin bħala pajjiż naslu għal soluzzjonijiet aħjar milli irnexxielhom jaslu għalihom ta’ qabilna.”
Waqt il-laqgħa, saret diskussjoni preliminari li fiha d-delegazzjoni ta’ Alternattiva Demokratika ddiskutiet mal-kumitat immexxi mill-President tar-Repubblika u magħmul ukoll minn rapprezentanti tal-Partit Nazzjonalista u tal-Partit Laburista l-proposti għal tibdil fil-kostituzzjoni li ser tkun qed tipproponi Alternattiva Demokratika.
Carmel Cacopardo emfasizza li l-proposti li se tagħmel Alternattiva Demokratika ilha titkellem dwarhom. Huwa emfasizza l-ħtieġa ta’ tibdil fil-liġijiet elettorali biex “il-vot ta’ kull Malti u Maltija jkun jgħodd u li l-proporzjonalità bejn il-voti f’elezzjoni ġenerali u s-siġġijiet parlamentari ma tkunx dritt esklussiv tal-PN u tal-PL imma li dan ikun japplika għal kulħadd, soġġett għal threshold nazzjonali ta’ 2.5%.”
Mina Tolu, attivist LGBTIQ u kandidat ta’ Alternattiva Demokratika għall-Parlament Ewropew, emfasizzat li "mhux xi aħbar ġdida li Alternattiva Demokratika qed tinsisti għal bilanċ bejn il-ġeneri fil-Parliament. Dan għandu jkun bilanċ mhux biss bejn in-nisa u l-irġiel, imma ukoll ta' persuni li ma jidentifikaw ruħhom mal-ebda wieħed minn dawn il-ġeneri.”
Alternattiva Demokratika iddiskutiet ukoll il-ħtieġa li l-President tar-Repubblika jkun elett minn kulleġġ elettorali li jkun iktar wiesa’ mill-Parlament u li f’dan il-proċess għandhom ikunu involuti ukoll il-Kunsilli Lokali.
Carmel Cacopardo emfasizza l-ħtieġa li l-kostituzzjoni tkun tipproteġi l-ambjent kif ukoll li kull ċittadin Malti jkollu d-dritt li jfittex lill-Gvern jekk dan jonqos milli jieħu passi adegwati biex ikun assigurat dan il-ħarsien. Flimkien mad-dritt għal referendum propozittiv dan għandu jwassal għal tisħiħ tal-proċess demokratiku.
“Fil-ġimgħat li ġejjin”, ikkonkluda Carmel Cacopardo, “Alternattiva Demokratika se tgħaddi lill-kumitat immexxi mill-President tar-Repubblika dokument dettaljat bil-proposti kollha ta’ Alternattiva Demokratika.”