Editorjal | Prodott ta’ sitt stilel, bħal Buġibba jiġifieri?

Tajjeb li nitkellmu fuq il-bżonn li jkollna lukandi ta' sitt stilel ... imma għandna infrastruttura ta' sitt stilel? 

Six star? Ritratti mill-paġna ta' Facebook 'Proud to live in St. Paul's Bay'
Six star? Ritratti mill-paġna ta' Facebook 'Proud to live in St. Paul's Bay'

Ġimagħtejn ilu dan l-ispazju kien iddedikat għall-kwistjoni tal-Corinthia u l-prezz tal-art li biha se tingħata lill-International Hotels Investments. Dakinhar konna għamilna aċċenn qasir għall-kwalità tal-infrastruttura u servizz li qed noffru bħala pajjiż.

Fid-dawl tad-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat dwar turisti li ġejjin (jew irridu li nġibu f’pajjiżna) u li jridu jonfqu €5,000 kull lejl, jagħmel sens li nerġgħu niftħu aktar l-argument tal-gazzetta dwar il-kwistjoni.

Ħa nibdew minn dak li suppost huwa ovvju imma mid-dehra mhuwiex. It-turisti mhux se jiġu pajjiżna biex jaraw il-flats u lanqas biex jaraw skyscrapers u bini għoli. Biex jaraw il-flats u bini għoli jistgħu jibqgħu d-dar. Ħafna, ejja ngħidu maġġoranza tat-turisti, qed jiġu pajjiżna biex iduqu mill-karattru veru Malti; il-karattru tal-irħula, tal-ikel tagħna, il-karattru arkitettoniku u l-karattru tal-poplu tagħna. Karattru Mediterranju li jistgħu jarawh f’pajjiżi oħrajn bħal Greċja, l-Italja, il-Katalunja (Spanja), Ċipru, il-Marokk, it-Tuneżija, it-Turkija u pajjiżi oħrajn.

Il-kompetizzjoni hija ħarxa ħafna u iebsa. U allura tajjeb nistaqsu lilna nfusna, b’mod sobriju, lil hinn mill-ħafna kliem sabiħ u ħolm; l-infrastruttura ta’ pajjiżna hija ta’ sitt stilel? Għandna l-indafa ta’ sitt stilel f’żoni turistiċi? It-toroq, il-bankini u aktar huma ta’ sitt stilel? Is-servizzi tagħna li se jużaw it-turisti, notevolment it-trasport pubbliku, huma ta’ sitt stilel?

l-infrastruttura ta’ pajjiżna hija ta’ sitt stilel? Għandna l-indafa ta’ sitt stilel f’żoni turistiċi? It-toroq, il-bankini u aktar huma ta’ sitt stilel? Is-servizzi tagħna li se jużaw it-turisti, notevolment it-trasport pubbliku, huma ta’ sitt stilel?

Nagħtu eżempju. San Pawl il-Baħar hija l-lokalità bl-akbar numru ta’ sodod għall-akkomodazzjoni u tilqa’ fiha persentaġġ qawwi ta’ turisti. Nistaqsu lilna nfusna; qed noffru infrastruttura ta’ sitt stilel hawnhekk?

L-awtoritajiet lanqas biss qed jirrikonoxxu li f’din il-lokalità hemm problema qawwija ta’ skart u ħmieġ kullimkien. Lanqas biss qed jirrikonoxxu li nofs it-toroq u l-bankini huma mkissrin. Lanqas biss qed jirrikonoxxu li f’din il-lokalità l-aħħar darba li sar żvilupp bi sforz  serju ta’ titjib qawwi kien fl-1997, taħt Gvern Laburista mmexxi minn Alfred Sant. Aħseb u ara kemm hemm prodott ta’ sitt stilel!

20 sena għall-elementi tan-natura ilha tiffaċċja l-infrastruttura ta’ Buġibba/il-Qawra u minflok nużaw ftit mill-flus kbar maħluqin minn ekonomija b’saħħitha biex f’proġett wieħed jew tnejn nagħtu mbuttatura qawwija infrastrutturali liż-żona (toroq ġodda, bankini ġodda, promenade ġdid, parkeġġ ġdid, spazji miftuħa, dixxiplina stretta fit-tindif...) qed noqogħdu nitqammlu u nixxaħħu mal-akbar lokalità turistika u allura ma’ waħda li minnha naqilgħu ħafna flus.  

Dan apparti li sajf wara sajf għadna mhux qed infornu biżżejjed għad-domanda qawwija immens li jkun hemm għat-trasport pubbliku f’din il-lokalità. U dan apparti wkoll il-ġungla li litteralment hemm f’ċerti żoni, grazzi għal numru żgħir ħafna ta’ negozji.

Dawra ma’ Buġibba u l-Qawra u tista’ testendi għax-Xemxija, żona li suppost hija fost l-aqwa f’Malta għax hija kruċjali għall-ekonomija, turik li minflok infrastruttura ta’ sitt stilel, għandna waħda li bilkemm tlaħħaq ma’ tlieta.

U mhux din iż-żona biss. Ħafna żoni oħrajn spiċċaw prattikament sit ta’ kostruzzjoni, kull kantuniera b’xi blokka tielgħa u krejnijiet kullimkien.

Dawra ma’ Buġibba u l-Qawra u tista’ testendi għax-Xemxija, żona li suppost hija fost l-aqwa f’Malta għax hija kruċjali għall-ekonomija, turik li minflok infrastruttura ta’ sitt stilel, għandna waħda li bilkemm tlaħħaq ma’ tlieta.

Tajjeb li nitkellmu dwar il-lussu, imma tajjeb ukoll li l-Gvern apparti li jiftaħar bil-ħidma tal-privat jiċċaqlaq naqra u jagħti imbuttatura akbar min-naħa tiegħu biex iż-żoni turistiċi jaraw titjib u jeċċellaw. Dak li qed isir s’issa forsi huwa tajjeb, imma ċarament mhux biżżejjed biex ikollna destinazzjoni ta’ sitt stilel.

Din il-filosofija ta’ kollox f’idejn il-privat qed tinsa fatt importanti: il-privat mhux se jagħmel il-bankina u l-bozza u l-promenade u mhux se jtejjeb it-toroq f’żoni turistiċi u lanqas se jmur inaddaf il-ħmieġ li xi kultant jitħalla ġranet sħaħ jiġri, għax minn dan kollu mhux se jagħmel profitt. Dak xogħol il-Gvern, li mit-taxxi li nħallsu jara li joffri prodott ta’ sitt stilel mill-lukanda ’l barra.

Għandna pajjiż li jista’ jkun ġojjel però sfortunatament  għad hawn wisq nies maħmuġin li m’għandhom ebda sens ta’ rispett lejn pajjiżna, kemm Maltin u anke barranin. Għad m’hemmx biżżejjed infurzar fuq min iħammeġ. Min-naħa l-oħra iżda nħossu illi meta tpoġġi t-titjib ekonomiku qawwi li qed jesperjenza dan il-pajjiż fuq il-miżien u tqabblu mal-progress u titjib f’żoni turistiċi, inħossu li għad fadal bil-wisq xi jsir. 

Ilna ngħidu li pajjiżna għandu bżonn tindifa ġenerali minn meta kien hemm in-Nazzjonalisti fil-Gvern u kien hemm iċ-CHOGM. Dejjem l-istess kantaliena, dejjem nittamaw li pajjiżna jinżamm nadif tazza u organizzat.

Sfortunatament iżda Malta (mhux daqstant Għawdex) djamant maħmuġ kienet u hekk għadha.

Ma nagħmlux bħal dak in-nemlu l-għażżien li qagħad igawdi x-xemx waqt li kienet qed tiddi, imbagħad ma kellux x’jiekol meta wasal il-bard u l-maltempati tax-xitwa.

Għax it-turist illum hawn u għada xi mkien ieħor.

Six Star? | Ritratti mill-paġna ta' Facebook 'Proud to live in St. Paul's Bay'
Six Star? | Ritratti mill-paġna ta' Facebook 'Proud to live in St. Paul's Bay'

 

More in Politika