
Missier u iben jinżammu arrestati wara li weġġgħu student u għalliema
“L-intenzjoni ma kinitx li ssir ħsara lill-għalliema"

More in Politika
“L-intenzjoni ma kinitx li ssir ħsara lill-għalliema"
Missier u iben qed jinżammu taħt arrest preventiv, wara li tressqu b'arrest il-Qorti akkużati li attakkaw u kkaġunaw feriti ħfief lill tifel ta' 15 -il sena u żewġt għalliema wara argument it-Tnejn fl-iskola Santa Clara ġewwa Pembroke.
Il-missier huwa membru tal-forzi armati ta' Malta.
Iż-żewġt irġiel kienu akkużati wkoll li kisru l-paċi pubblika u li qalu kliem oxxen u indeċenti fil-pubbliku.
L-avukat ta’ difiża qal li, “kien l-ġuvni ta’ 15 -il sena li pprova jattakka lil missier u għalhekk l-akkużat intervjena biss biex jissepara l-ġlied."
Fuq l-akkuża li wettaq reat li kellu d-dmir li jipprevjeni bħala membri tal-forzi armati, l-avukat sostna li d-dmirijiet ta‘ suldat huma differenti minn dawk ta' Pulizija u li mhux kull uffiċjal pubbliku kellu l-istess dmirijiet. Żied jgħid li "kull persuna involuta kienet tat ix-xhieda tagħha, għalhekk ma kien hemm l-ebda riskju li tbagħbis bix-xhieda.”
L-avukat tad-difiża qal ukoll li l-akkużat kien għamel dikjarazzjoni li tispjega kollox, “l-intenzjoni ma kienitx li ssir ħsara lill-għalliema.”
Minkejja t-talbiet tad-difiża, l-Qorti ordnat li l-akkużati jinżammu taħt arrest.
Waqt dan l-inċident, il-Malta Union of Teachers (MUT) fi stqarrija issotni illi ilha tirrepeti l-istess affarijiet għal darba, darbtejn dwar is-sigurtà fl-iskejjel "u sfortunatament dawn l-inċidenti qed juru li għandna raġun."