Konrad Mizzi jwaqqa' l-libelli li fetaħ dwar il-Panama Papers u ħasil ta' flus

Il-Ministru Konrad Mizzi jwaqqa' l-libelli dwar l-allegazzjonijiet ta' ħasil ta' flus permezz tal-kumpanija fil-Panama, li kienet tiegħu

Fi stqarrija ilejla l-Ministru Konrad Mizzi ħabbar illi se jwaqqa' l-libelli kontra dawk kollha li għamlu allegazzjonijiet dwar l-użu ta' kumpanija fil-Panama li kien fetaħ hu.  

L-istqarrija tgħid li "fid-dawl tar-rifjut tal-allegazzjonijiet mill-Qorti tal-eks Kap tal-PN Simon Busuttil u l-MEP Nazzjonalista David Casa, l-Ministru Mizzi jinnota illi issa kien determinat li m'hemm ebda prova li ssostni l-allegazzjonijiet li saru fuqu." U allura  se jwaqqa' l-libelli li kien fetaħ kontra dawk kollha li għamlu akkużi kontrieh dwar il-Panama Papers u l-kumpanija li kien fetaħ hemmhekk.  

Huwa qal illi ma tagħmlix sens, fid-dawl tad-deċiżjonijiet tal-Qorti li qed jgħid illi juru li m'hemm ebda prova kontrieh, li jmexxi skont il-liġi tal-midja kontra dawn it-tnejn.

"Għalhekk Mizzi se jwaqqa' diversi libelli," tħabbar fl-istqarrija. Konrad Mizzi qal illi minkejja li dawk li għamlu l-akkużi jistgħu jifirħu li mhux se jġorru l-ispiża monetarja "tal-gideb ... huwa ċar li tilfu l-kredibilità politika tagħhom."

Il-libelli jitrattaw allegazzjonijiet li l-kumpanija Hearnville Inc, li kienet kumpanija fil-Panama tal-Ministru Mizzi, kienet qed tintuża għal skopijiet ta' ħasil ta' flus. 

More in Politika