Il-PN f’Għawdex maħkum minn apatija u sens ta’ rassenjazzjoni

L-aħħar sondaġġi juru li n-numri f’Għawdex għall-PN huma diżastru assolut. L-ILLUM titkellem ma’ uffiċjali, kunsillier u eks uffiċjal tal-PN u tistaqsi x’inhu jiġri f’Għawdex ...

Il-qagħda tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex hija waħda pjuttost ħażina, mhux biss wara stħarriġ li juri kif 68.5% tal-Għawdxin intervistati jafdaw iktar lil Joseph Muscat, imma wkoll għax skont sorsi viċin sew l-istess partit jidher illi l-PN huwa assenti kompletament mid-distrett.

L-ewwel sors li kellem lil din il-gazzetta u li jifforma parti minn wieħed mill-ogħla organi tal-partit sostna li l-votanti mhux qed iħossu l-preżenza tal-partit fuq id-distrett, “qisu l-partit lanqas biss jeżisti.” L-erba’ sorsi differenti li tkellmet magħhom din il-gazzetta u li lkoll għandhom (jew kellhom) xi forma ta’ kariga fil-PN kollha qalu li l-preżenza tal-partit fit-13-il distrett hija waħda li bilkemm teżisti.

“Hawn apatija kbira, qisha mhix ġejja elezzjoni,” qal sors lil din il-gazzetta b’ieħor jinsisti illi “fil-partit f’Għawdex hawn qtigħ il-qalb, donnhom hawnhekk in-Nazzjonalisti ċedew l-armi,” jgħid sors ieħor. Is-sors l-ieħor, kunsillier, sostna li m’hemmx preżenza tal-partit f’Għawdex, “qisna minsijin mill-partit”, filwaqt li r-raba’, eks uffiċjal, saħaq li “l-partit mhux organizzat, hawn assenza totali tal-partit u naħseb li s-sitwazzjoni hija serja.”

L-aħħar sondaġġ ippubblikat fuq il-gazzetta oħt Maltatoday, juri illi minkejja l-appoġġ li għandu Delia, dan ma mmarkax fl-istħarriġ tant li ma kien hemm ħadd mill-Għawdxin li qal illi jafda lil Delia iktar minn Muscat. Dwar l-intenzjoni tal-vot, mill-Għawdxin li ħadu sehem, 41.5% qalu li jivvutaw lill-Partit Laburista, filwaqt li 11% biss qalu li lesti jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista. 47.4% qalu li ma jafux kif jivvutaw kieku kellha ssir elezzjoni llum.

Wieħed mis-sorsi tal-gazzetta sostna illi ħafna mill-14-il Kumitat Distrettwali tal-partit f’Għawdex mhux qed joperaw kif suppost. Dan apparti li minkejja rapporti fuq din il-gazzetta, illi s-Sindku tar-Rabat, Samuel Azzopardi kien avviċinat biex joħroġ għall-elezzjoni tal-MEPs, s’issa ħadd għadu ma tefa’ n-nomina minn dan id-distrett f’isem il-PN.

Dan jista’ jfisser li għall-ewwel darba l-PN ma jkollux kandidat Għawdxi għal din l-elezzjoni. Fl-2004 kien ħareġ Anton Tabone (iben l-eks Ministru għal Għawdex u eks Speaker Anton Tabone) li kiseb 5,439 vot, fl-2009 kienet ħarġet Marthese Portelli li kisbet 5,245 vot u fl- 2014 kien ħareġ Kevin Cutajar li kien kiseb 5,415-il vot.

F’Lulju tas-sena l-oħra s-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli aċċerta lil din il-gazzetta li l-PN se jkollu kandidat Għawdxi.

U d-deputati fejn huma?

Apparti minn kollox jidher li anke d-Deputati tal-PN mhux qed ikunu preżenti wisq. Il-maġġoranza assoluta tal-Għawdxin ivvutaw lil Chris Said għall-elezzjoni ta’ Kap ġdid tal-PN, fatt li ħalla bosta ddiżappuntati bl-elezzjoni ta’ Delia speċjalment għaliex Said ma ngħatax kariga fit-tmexxija tal-partit bħala sinjal ta’ rikonċiljazzjoni.

Sors li tkellem ma’ din il-gazzetta sostna li Said issa reġa’ qed jibni l-karriera tiegħu bħala avukat u li kemm idum Delia wieħed ma jistenniex wisq ħeġġa minn Said.

Sors ieħor li tkellem ma’ din il-gazzetta qal illi Marthese Portelli qatt mhi qed tkun Għawdex, kif mhux qed ikun preżenti lanqas David Stellini. Min-naħa l-oħra l-ħidma ta’ Frederick Azzopardi li ma kienx se joħroġ għall-elezzjoni tal-2017, battiet ftit mhux ħażin.

Id-Deputati Għawdxin tal-Partit Nazzjonalista
Id-Deputati Għawdxin tal-Partit Nazzjonalista

Apparti minn dan is-sorsi kollha qablu li kontra l-PN f’Għawdex hemm magna qawwija u effiċjenti ta’ ‘customer-care’ min-naħa tal-Gvern.

“Minkejja li diżgwid bejn Anton Refalo, Justyne Caruana u Clint Camilleri u n-nies tagħhom hemm, jidher li dan mhux qed jagħmel differenza,” qal wieħed mis-sorsi.

Is-sors l-ieħor sostna illi ħafna Għawdxin li m’għandhomx lealtà ma’ partit partikolari jħossu li l-Labour qed jaqdihom tajjeb fl-affarijiet personali tagħhom u allura mhux se joqogħdu jikkritikaw lill-Gvern.

Għadhom jippersistu l-problemi biex jinstabu kandidati...

Minkejja li kien ċaħad is-Segretarju Ġenerali Puli, tlieta mill-erba’ sorsi li kellmuna qalu illi l-partit għad għandu problema biex isib kandidati għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali wkoll. “Biss, biss fir-Rabat għandna bżonn bejn ħames u sitt kandidati biex minnhom jitilgħu erbgħa ħalli nżommu l-maġġoranza, u s’issa qalu li se joħorġu tnejn biss,” sostna mal-ILLUM wieħed mis-sorsi.  

Fil-fatt wieħed minn dawk li kellmu lill-ILLUM sostnew illi ħafna fil-partit jinsabu mbeżżgħin illi l-PN se jkompli jitlef maġġoranzi f’lokalitajiet Għawdxin wara li kien beda jitlef maġġoranzi fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tal-2013 u l-2015.

Il-Partit Laburista għandu maġġoranza fix-Xewkija (2013: 67.5%) u s-Sannat (2013: 75%) u matul is-snin rebaħ ukoll il-Qala (2015: 62%), ix-Xagħra (2013: 59%) u fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsill Lokali l-PN għal naqra ma tilifx in-Nadur meta kiseb biss 50%. In-Nadur kien għal żmien twil meqjus bħala lokalità ‘fortizza’ Nazzjonalista tant li fl-2012 il-PN kien kiseb aktar minn 58%. Hija wkoll il-lokalità fejn jgħixu Chris Said u l-eks Ministru Nazzjonalista Giovanna Debono.

Globalment, il-PN dejjem rebaħ Għawdex b’maġġoranza ta’ voti ħlief fl-aħħar elezzjoni meta ġab 48%.

‘X’se jagħmel differenti?’

Kunsillier tal-PN li tkellem ma’ din il-gazzetta qal illi m’hemm “preżenza xejn tal-partit,” u semma’ kif din il-ġimgħa stess ċemplitlu mara li ddeskriva bħala “Nazzjonalista ġenwina” u qaltlu li għall-elezzjoni tal-MEPs ma tridx tivvota.

“Hemm nuqqas ta’ interess, naqsu l-attivitajiet u m’għadx hemm preżenza. Min-naħa l-oħra min irid qed jinqeda mill-Gvern,” sostna dan il-Kunsillier.

L-eks Uffiċjal sostna illi apparti l-isfidi organizzattivi jekk il-PN irid jara ċaqlieqa fil-popolarità, inkluż f’Għawdex, “irid joħroġ bi proposti differenti. X’jaħseb dwar il-mina? X’jaħseb dwar il-kaċċa? Dwar il-bini u l-iżvilupp? Mhux kollox bħal-Labour...”

Għawdex: minn fortizza Nazzjonalista għal maġġoranza Labour

Il-Partit Nazzjonalista kien kważi dejjem minn fuq fl-elezzjonijiet ġenerali fit-13-il distrett. Fl-1976, il-PN kien kiseb 57% tal-voti, fl-1981 il-PN ġab 59.2% u allura reġa’ kaxkxar lill-Partit Laburista ta’ Mintoff bil-kbir. Fl-1987 il-PN reġa’ żied fuq ir-riżultati tajbin u kiseb 61.2% tal-voti f’Għawdex, fl-1992 reġa’ ġab 59% u fl-1996, meta kien elett Gvern Laburista mill-ġdid, kien ġab 53.6%.

Fl-1998 il-PN kien kiseb 56.5% filwaqt li fl-elezzjoni “tal-Ewropa” fl-2003 kien ġab 58.7%. Fl-elezzjoni tas-sena 2008, il-PN kien kiseb 55% u allura Għawdex baqa’ b’maġġoranza assoluta Nazzjonalista.

Minn hemmhekk it-triq għall-PN f’Għawdex kienet għan-niżla wkoll. Fl-2013 il-PN kien kiseb 49.8% u allura ma ġabx maġġoranza u kien biss ftit iktar minn 200 vot ’il bogħod mill-Partit Laburista.

Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, il-Partit Laburista kiteb l-istorja politika biex għall-ewwel darba fl-istorja rebaħ id-distrett ta’ Nerik Mizzi, anke jekk b’1,000 vot biss. Il-PN kiseb 47.8% u l-Pl 51.2% biex allura ġab maġġoranza assoluta.

Minkejja mistoqsijiet mibgħuta minn din il-gazzetta dwar is-sitwazzjoni politika f’Għawdex għall-PN, sakemm morna għall-pubblikazzjoni konna għadna bla tweġibiet.

More in Politika