'Inaċċettabbli li għad hawn skejjel mhux aċċessibbli għal kulħadd'

Il-Unjin għall-Edukaturi Professjonali, fi ħdan il-Unjin Ħaddiema Magħqudin tirreaġġixxi għar-rapport tal-Kummissarjat għad-Drittijiet tal-Persuna b’Diżabilità

Il-Unjin għall-Edukaturi Professjonali, fi ħdan il-Unjin Ħaddiema Magħqudin, qalet li huwa inaċċettabbli li għad hawn skejjel li sal-lum għadhom mhux aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità.

Il-unjin kienet qed tagħmel referenza għar-rapport annwali ppubblikat mill-Kummissarjat għad-Drittijiet tal-Persuna b’Diżabilità, u li minnu jirriżulta li għad hawn skejjel li mhux aċċessibbli għal kulħadd.

Fi stqarrija, il-unjin appellat lill-awtoritajiet biex jassiguraw li jkunu indirizzati dawn l-isfidi fil-Kulleġġ ta’ St Edward’s, fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca, Skola Medja ta’ Blata l-Bajda u fil-Kulleġġ Stella Maris tal-Gżira.

Fost oħrajn, ir-rapport jinnota li l-Kulleġġ St Edward’s ilu snin jaf b’din il-kwistjoni, iżda mill-2009 ftit li xejn sar titjib, apparti li grawnd li fl-2009 kien aċċessibbli, issa ma għadux.

Dwar iż-żewġ skejjel l-oħra, filwaqt li nnutat li sar xi titjib u għaddejin xi xogħlijiet, il-Kummissarjat għadu qed tistenna li dawn ikunu aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità, partikolarment dawk li għandhom problema ta’ mobilità.

Dwar dan ir-rapport, il-gazzetta ILLUM kienet tkellmet mal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, Oliver Scicluna li kien saħaq dwar il-bżonn ta’ skemi u inċentivi biex negozji żgħar ikunu jistgħu jagħmlu l-istabbilimenti tagħhom aċċessibbli għal kulħadd.

More in Politika