Wara diskussjoni li saret ilbieraħ filgħaxija fil-kumitat tal-libertajiet ċivili dwar riżoluzzjoni li fiha tissemma' Malta, l-MPE Miriam Dalli sostniet li din ir-riżoluzzjoni qed tintuża għal skopijiet partiġġjani.
Fil-Parlament Ewropew, l-MPE Miriam Dalli elenkat numru ta’ punti fir-riżoluzzjoni dwar Malta u l-Islovakkja li skontha ma jirriflettux il-verità.
“Jekk qatt kelli xi dubju li din ir-riżoluzzjoni qed tintuża għal kampanja partiġġjana ta’ xi wħud, illum neħħejt dak id-dubju,” qalet Dalli filwaqt li żiedet tgħid, “xbajt nara MEPs tal-Partit Nazzjonalista jpoġġu l-interess partiġgjan qabel l-interess nazzjonali. Li tgħid il-fatti kif inhuma hija konsistenza u mhux isteriżmu," irrimarkat l-MEP Laburista.
Dalli qalet li dan il-Gvern qed jaħdem biex jirriforma liġijiet li ilhom hemm is-snin, inkluż tul il-25 sena li fihom kien hemm gvern Nazzjonalista. "Iżda meta wieħed jaqra din ir-riżoluzzjoni, jieħu l-impressjoni li xejn jew vera ftit qed iseħħ f’dan ir-rigward."
Dalli rreferiet ukoll għal kif ir-riżoluzzjoni qed titlob għall-inkjesta pubblika fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. "Filwaqt li l-Gvern qatt ma eskluda li jkun hemm tali inkjesta," hi qalet li "ħadd ma jrid jippreġudika l-każ, bħalma ġara fil-każ tal-eks chairman tal-Enemalta fejn il-Qorti Kostituzzjonali sabet ksur tad-dritt għal smiegħ ġust."
"Ir-riżoluzzjoni ssemmi li hemm liġijiet biex jiffrustraw il-ġurnalisti, iżda ma ssemmiex li kien propju dan il-Gvern li rriforma l-liġi tal-istampa, u li saħansitra fil-passat kien hemm numru ta’ każijiet meta eks ministri u eks-uffiċjali tal-Gvern Nazzjonalisti heddew lill-ġurnalisti u camerapersons b’ħabs u arresti," saħqet Dalli.