Fenech Farrugia kienet tuża linja tal-mowbajl Spanjola biex tikkomunika ma' Fuentes
Joħorġu aktar dettalji dwar l-allegati konverżazzjonijiet bejn l-eks Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd u wieħed mis-suspettati fin-negozju illegali tat-tonn
minn Yendrick Cioffi
L-eks Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd, Andreina Fenech Farrugia, kienet tuża linja tal-mowbajl Spanjola biex allegatament tagħmel telefonati ‘kunfidenzjali’ ma’ José Fuentes García, wieħed mill-akbar operaturi Spanjoli għas-sajd tat-tonn (bluefin tuna).
Ilbieraħ, Fenech Farrugia, ġiet sospiża wara li allegatament kienet qed tuża l-pożizzjoni tagħha biex tixxaħħam mis-sajd illegali tat-tonn.
Kollox beda s-sena li għaddiet, meta investigazzjoni minn awtoritajiet Spanjoli kixfu negozju illegali tat-tonn li jħallaq il-valur ta' madwar €25 miljun.
Dak iż-żmien, isem Malta kien ħareġ f’din is-sejba iżda ma kien hemmn l-ebda referenza għall-involviment ta’ uffiċjali Maltin, sakemm ilbieraħ kienu ppubblikati traskrizzjonijiet ta’ telefonati bejn Fenech Farrugia u José Fuentes.
Qed ikun allegat li Fenech Farrugia użat il-pożizzjoni tagħha biex tirregolarizza l-qbid illegali tat-tonn li jaqbeż il-kwoti stabbiliti internazzjonalment.
Skont dawn it-traskrizzjonijiet, Fuentes saħansitra kien talab lil Fenech Farrugia biex iżżid il-kwota għall-kumpanija tieħu, minn 3,000 għal 4,000 tunnelleta.
Fenech Farrugia tuża linja rreġistrata fuq il-kumpanija ta' Fuentes
Il-gazzetta oħt MaltaToday żvelat kif l-investigaturi Spanjoli waslu għal Fenech Farrugia meta investigaw mowbajl ieħor li kellu Fuentes.
Iżda l-aktar ħaġa li qajmet suspett kien il-fatt li Fenech Farrugia kienet tuża numru tal-mowbajl spanjol irreġistrat fuq il-kumpanija ta’ Fuentes.
Jidher ukoll li l-uniċi telefonati li saru fuq il-linja Spanjola ta’ Fenech Farrugia kienu mit-tieni mowbajl ta’ Fuentes, liema mowbajl kien jużah biss għal telefonati “kunfidenzjali.”
F’waħda minn dawn il-konverżazzjonijiet, interċettati mill-awtoritajiet fl-20 ta’ Ġunju tas-sena li għaddiet, Fenech Farrugia qalet lil Fuentes: "Qiegħda l-Bulgarija għalik, trid tħallasni għax hawn laqgħa u qiegħda mad-direttur ġenerali (tas-sajd) ta' Brussell."
Telefonati jikxfu 'familjarità' bejn Fenech Farrugia u Fuentes
Iżda apparti dan, l-istess telefonati juru wkoll ċertu familjarità li allegatament teżisti fejn Fenech Farrugia u Fuentes.
Skont it-traskrizzjonijiet ippubblikati lbieraħ, f’telefonata fil-15 ta’ Ġunju tas-sena li għaddiet, Fuentes irrefera għal Fenech Farrugia bħala “sabiħa.” Hi allegatament wieġbet li “d-dinja kollha tridha.”
Waqt l-istess konverżazzjoni, Fuentes allegatament jissuġġerixxi lil Fenech Farrugia li għandha bżonn “massaġġ tajjeb” u dan wara li lmentat li qed juġaha dahra.
Twissih dwar kumpanija oħra Maltija
Iżda, fl-istess konverżazzjoni, Fenech Farrugia tgħid lil Fuentes biex joqgħod attent kif jirrapporta l-affarijiet biex “Fish & Fish ma jgħidu xejn.”
Fish & Fish hija operatur ieħor tat-tonn f’Malta, rivali tal-kumpanija ta’ Fuentes. Mhux magħruf għalfejn qaltlu hekk.
Jgħidilha li ġej Malta biex jiltaqa' mal-Ministru
Fl-24 ta’ Ġunju 2018, Fuentes jinforma lil Fenech Farrugia li kien ġej Malta biex jiltaqa’ mal-Ministru.
Hi tinfurmah li l-affarijiet bdew jiċċaqilqu u tistaqsih jekk hux se jqatta’ l-ġurnata kollha mal-Ministru.
Tgħid lil Fuentes li ma jistgħux jidhru flimkien
Ġurnata wara, Fuentes ċempel lil Fenech Farrugia biex jinfurmaha li kien se jkun qed jasal Malta għall-ħabta tal-10:30pm u li se jkun qed joqgħod il-Hilton.
Fuentes staqsa lil Fenech Farrugia jekk tixtieqx tiekol miegħu iżda hi allegatament insistiet li ma jistgħux jidhru flimkien f’Malta.
Aktar tard, hi ssuġġeriet li tiltaqa’ miegħu fil-lukanda fil-11pm jew fis-6am, l-għada filgħodu.