L-eks Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd, Andreina Fenech Farrugia, ċaħdet li kienet qed tixxaħħam minn sajd illegali tat-tonn u qalet li b’mod leġittimu kienet qed titlob il-ħlas lil dawk il-kumpaniji li jitolbuha żżid il-kwoti.
Fenech Farrugia qalet dan f'ittra mibgħuta lil MaltaToday wara li ġiet sospiża hekk kif ħarġu l-allegazzjonijiet nhar it-Tlieta li għadda u li fiha spjegat kif kien “perfettament ovvju” li pagamenti uffiċjali għal aktar kwoti, skont il-liġi, kellhom jiġu indirizzati lilha bħala d-direttur.
Kienu siti tal-aħbarijiet Spanjoli li żvelaw kif Fenech Farrugia kienet tuża linja tal-mowbajl Spanjola biex allegatament tagħmel telefonati ‘kunfidenzjali’ ma’ José, wieħed mill-akbar operaturi Spanjoli għas-sajd tat-tonn (bluefin tuna).
L-istess Fuentes, li għandu kumpanija sussidjarja f’Malta, qed ikun suspettat bħala responsabbli minn negozju illegali tat-tonn li jħallaq il-valur ta' madwar €25 miljun.
“Kollox sar skont il-liġi u bl-awtorizazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti,” saħqet Fenech Farrugia. “Pagamenti ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ewro saru lili bħala direttur u dan skont il-liġi u deċiżjonijiet ministerjali.
Fl-istess ittra, Fenech Farrugia kategorikament ċaħdet li għamlet xi ħaġa illegali, tefgħet dubji fuq it-traskrizzjonijiet tat-telefonati li ġew ippubblikati u insistiet li hi dejjem aġġixxiet b’mod ekwu u ġust.
Fenech Farrugia mistoqsija minn Maġistrat Malti
Żvelat ukoll li hi kienet mistoqsija minn Maġistrat Malti li qed imexxi inkjesta dwar allegat operat illegali mill-operatur Spanjol tal-gaġeġ tat-tonn.
“Għal xhur ma kelli l-ebda problema li nikkopera mal-awtoritajiet, li nipprovdi l-informazzjoni kollha mitluba,” saħqet Fenech Farrugia waqt li insistiet li hekk se tkompli tagħmel.
'Dejjem kont aċċessibbli għall-operaturi kollha'
Filwaqt li ma ċaħditx li kellha konverżazzjonijiet ma’ Fuentes, Fenech Farrugia qalet li huwa normali li fil-pożizzjoni tagħha żżomm kuntatt kontinwu mal-operaturi kollha.
“Dejjem kont aċċessibbli għalihom kollha,” saħqet Fenech Farrugia.
'It-traskrizzjonijiet huma sommarji ta' konverżazzjonijiet sħaħ'
Dwar it-traskrizzjonijiet, Fenech Farrugia qalet li dawn huma “sommarji” ta’ allegati telefonati.
“Jiena mhux biss nikkonferma li kelli dawn il-konverżazzjonijiet, iżda, agħar minn hekk, dawn mhux traskrizzjonijiet kelma b’kelma tal-allegati telefonati iżda verżjonijiet imqassra li setgħu kienu miżinterpretati u meħuda barra mill-kuntest,” qalet Fenech Farrugia.
Saħansitra insistiet li l-lingwa Spanjola użata f’dawn it-traskrizzjonijiet kienet “fqira” u dan seta' wassal għall-miżinterpretazzjoni.
Hawnhekk kompliet tistaqsi għalfejn hi ma kinitx investigata f’investigazzjoniji li tinkludi għexieren ta’ operaturi, individwi, kumpaniji u entitajiet, inkluż uħud Maltin.
U x'qalet dwar in-numru Spanjol?
Dwar in-numru Spanjol li kienet tuża, Fenech Farrugia falliet milli tispjega kif kellha linja rreġistrata fuq il-kumpanija ta’ Fuentes
Dan in-numru kien il-fattur li qajjem is-suspett tal-investigaturi Spanjoli li qed jgħidu li Fenech Farrugia użat dan in-numru biss biex tikkomunika ma’ Fuentes, li wkoll kien qed juża “mowbajl sigur.”