Fi stqarrija, il-Pulizija ċaħdet rapport li deher ilbieraħ fuq il-ġurnal Times of Malta u insistiet li fl-investigazzjoni dwar is-sajd illegali għat-tonn hija dejjem ikkoperat mal-awtoritajiet Spanjoli u tathom l-informazzjoni kollha li talbuha, liema informazzjoni għaddiet mingħand il-Europol.
Ir-rapport kien jikkwota sorsi, viċin l-investigazzjoni Spanjola, li qalu li ma rċevew l-ebda assistenza minn Malta u li l-Gvern Malti ma kkoperax mal-Pulizija Spanjola.
Dawn ir-rapporti ħarġu wara li din l-istess investigazzjoni implikat lid-Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd, Andreina Fenech Farrugia (issa sospiża) li allegatament kienet qed tixxaħħam minn dan in-negozju illegali.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li l-iskawdra kontra r-reati ekonomiċi kienet ilha minn Ottubru tinvestiga dan in-negozju illegali u li saħansitra hemm għaddejja inkjesta maġisterjali, hekk kif Malta mill-ewwel kienet implikata f'dan il-każ.
Il-Pulizija spjegat li mill-ewwel sar kuntatt mal-awtoritajiet Spanjoli, bl-għajnuna tal-Europol, anke mill-Maġistrat Inkwerenti, bit-tim investigattiv saħansitra tela' Madrid biex jiltaqa' mal-awtoritajiet Spanjoli dwar il-każ.
Fid-dawl tal-fatt li għaddejja, inkjesta, il-Pulizija qalet li ma tistax tagħti aktar dettalji dwar din l-investigazzjoni.
Aqra wkoll: