Iż-żieda fil-popolazzjoni tgħin biex tassigura li l-pensjonijiet jibqgħu sostenibbli. Dan qalu l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna meta mitlub jirreaġixxi għat-twissija tal-Prim Ministru lil dawk li huma kontra l-ħaddiema barranin.
Għall-mistoqsija tal-ġurnalist tal-MaltaToday, il-Ministru Scicluna qal li t-tnaqqis fil-popolazzjoni ma jgħinx biex il-pensjonijiet jinżammu sostenibbli.
Spjega kif meta għandek pajjiż bħal Malta, fejn il-popolazzjoni qed tixjieħ, il-pensjonijiet jistgħu jinżammu sostenibbli jekk togħla l-età tal-irtirar jew inkella jiżdied il-ħlas tal-bolla.
Kien għalhekk li qal li l-influss tal-barranin jagħti spinta ‘l quddiem lill-popolazzjoni tal-ħaddiema u dan ifisser li l-Gvern ikun jista’ jżomm pensjonijiet sostenibbli mingħajr ma jdur għal soluzzjonijiet oħra.
“Mhux qed ngħid li mingħajr ħaddiema barranin mhux se jkollna pensjonijiet, iżda li jkollna nindirizzaw il-kwistjoni dwar is-sostenibbilità tal-pensjonijiet b’metodi oħra,” qal Scicluna.
Il-kummenti li kien għadda l-Prim Ministru kienu kkritikati mill-Oppożizzjoni li qed tisħaq li l-uniku pjan tal-Gvern għat-tkabbir ekonomiku hija ż-żieda fil-popolazzjoni.