Il-Pulizija tirreġistra l-inqas rata ta' kriminalitá f'14-il sena fl-2018

Il-Ministru qal li l-medja tar-rata ta’ rapporti ta’ kriminalità fl-Unjoni Ewropea hija ta’ 59 każ għal kull 1,000 persuna, filwaqt li r-rata ta’ rapporti ta’ kriminalità f’Malta hija ta’ 34 każ

Il-Kriminologu Saviour Formosa, il-Ministru Michael Farugia u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar
Il-Kriminologu Saviour Formosa, il-Ministru Michael Farugia u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia flimkien mal-Professur tal-Kriminoloġija Saviour Formosa f’konferenza stampa ppreżentaw ir-Rapport Annwali tal-Kriminalità għas-sena 2018. Ir-rapport juri li fis-sena 2018, ir-rata tal-kriminalità ġewwa pajjiżna naqset b’7% mis-sena 2017. Għal din il-preżentazzjoni attendew ukoll il-Kummissarju tal-Korp tal-Pulizija Lawrence Cutajar u l-Kap Eżekuttiv tal-Korp Angelo Gafà.

 Farrugia qal li f’Malta fl-2018 żdiedet il-populazzjoni, żdied it-turiżmu, u żdiedet l-affluwenza, u allura wieħed kien jistenna li dawn it-tliet fatturi flimkien iwasslu biex ir-rata ta’ kriminalità tiżdied. Pero b’suċċess, għat-tieni darba konsekuttiva, ir-rata tal-kriminalità f’pajjiżna reġgħet naqset.

Il-Ministru qal li l-medja tar-rata ta’ rapporti ta’ kriminalità fl-Unjoni Ewropea hija ta’ 59 każ għal kull 1,000 persuna, filwaqt li r-rata ta’ rapporti ta’ kriminalità f’Malta hija ta’ 34 każ għal kull 1,000 persuna. Dan juri li Malta hija fost il-pajjiżi li huma meqjusa bħala l-iktar siguri fl-Unjoni Ewropea. Huwa żied jgħid li jinsab kuntent b’dan ir-riżultat, fejn l-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija qed jaħdmu qatigħ sabiex jipprevenu u jiġġieldu l-kriminalità, u jsolvu l-każijiet, imma baqa aktar x’jista’ jsir.

Filwaqt li l-Ministru Michael Farrugia rringrazzja lill-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija kollu, saħaq li qed issir annaliżi tar-rapport sabiex ikunu jistgħu jittieħdu l-inizjattivi meħtieġa fil-prevenzjoni u l-investiment meħtieġ sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità. Huwa qal li ser ikompli jsir investiment fl-Economic Crime Unit li jħaddan fih fost l-oħrajn is-settur ta’ kontra l-frodi, kif ukwoll is-settur tas-cyber crime unit. L-investiment kontinwu qed isir ukoll fit-taqsima tar-Rapid Intervention Unit (RIU) sabiex kemm jista’ jkun jonqos il-ħin li l-Pulizija jaslu fuq il-post ta’ fejn ikun sar ir-reat.

Il-Professur Saviour Formosa qal li t-tnaqqis ta’ 7% fir-rata ta’ kriminalità hija l-inqas rata rrekordjata f’dawn l-aħħar 14-il sena. Il-pick-pocketing, serq u omiċidji kienu fost ir-reati li raw tnaqqis fost l-oħrajn. Filwaqt li r-reati ta’ vjolenza domestika żdiedu mis-sena 2017 fost oħrajn.

Il-Kummissarju Lawrence Cutajar qal li l-Pulizija huma kuntenti b’dan ir-rapport imma għad fadal xi jsir. Dawn ir-riżultati huma pari passu mas-survey maħruġ mill-Eurobarometer. Ir-rata ta’ fiduċja tal-Maltin fil-Korp tal-Pulizija żdiedet bi 15%, l-ogħla żieda rrekordjata fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissarju qal li qed issir ħidma sabiex jiżdiedu l-Pulizija fit-toroq, u jkunu eqreb tal-kommunità.

More in Politika