"Għandna Gvern bla pjan, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista qed jaħdem fuq pjan fit-tul u jressaq proposti konkreti biex jaħseb għal għada u li jagħti s-serħan tal-moħħ lill-familji.", hekk qal il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament David Agius meta kien qed jindirizza t-tieni sessjoni plenarja tal-Kunsill Ġenerali tal-PN bit-tema Flimkien għal Pajjiżna.
David Agius qal li l-Partit Nazzjonalista elenka numru ta' azzjonijiet li ħa l-PN fl-aħħar żmien fosthom il-kritika li saret dwar lużu tal-kontejners għall-klassijiet, il-kritika għal numru ta' kuntratti li saru u li fihom kienet innegozjata art pubblika, l-każ fil-Qorti li lKap tal-PN Adrian Delia fetaħ biex jannulla l-ftehim li sar mal-Vitals Global Healthcare u l-azzjoni tal-partit dwar kontijiet tad-dawl u l-ilma li kellhom żball fihom.
Agius qal li l-Gvern Laburista m'għandux pjan għas-setturi ewlenin bħat-trasport, l-edukazzjoni, s-saħħa u l-ambjent, u m'għandux direzzjoni għall-investiment biex il-ġenerazzjonijiet t'għada jakkwistaw il-ħiliet meħtieġa għall-futur. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista għandu l-viżjoni politika li noħolqu soċjetà li jimpurtaha.
Agius qal li mill-Oppożizzjoni, l-PN qed iressaq proposti konkreti fosthom 80 proposta għall-Kunsilli Lokali, għall-bdiewa u r-raħħala, għall-qbiela, l-kanċer, l-iskart tal-kostruzzjoni, work-life balance u għal Għawdex reġjun fil-Kostituzzjoni ta' Malta. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista għandu għal qalbu l-benesseri tan-nies u jinsab impenjat sabiex jinbnew spazji sportivi u rikreattivi ġodda, jissaħħu l-fondi u jiżdiedu l-poteri tal-Kunsilli, tissaħħaħ il-ħidma favur il-persuni b'mard mentali, l-obeżità, s-solitudni u kundizzjonijiet oħra bħad-dyslexia.
Temm jgħid li l-PN jinsab ippreparat biex fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali f'Mejju li ġej ikun il-vuċi tal-familji u tal-ħaddiema, "biex nerġgħu nagħtu d-dinjità lil min spiċċa mingħajr saqaf fuq rasu, vuċi għal min spiċċa fil-morsa tal-prekarjat u ċ-cheap labour."
Il-Kunsill Ġenerali tal-PN jagħlaq għada l-Ħadd bid-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia.