Il-Partit Nazzjonalista dalgħodu ħabbar numru ta' proposti għall-qasam tal-ambjent, b'aċċenn partikolari fuq l-infurzar kontra l-abbużi u l-protezzjoni tar-residenti.
Ħabbar dawn il-proposti, f'konferenza tal-aħbarijiet, il-kandidat għall-elezzjoni tal-MEPs Michael Briguglio.
Huwa qal illi l-PN qed jipproponi li jitwaqqaf fond għall-innovazzjoni ekoloġika għal teknoloġiji ġodda. Imma iktar importanti, ħabbar li l-PN qed jipproponi li titwaqqaf għassa ambjentali biex isir infurzar effettiv fuq il-kostruzzjoni, tniġġis tal-arja, tniġġis mill-istorbju u biex ir-residenti jkollhom lil xi ħadd li qed jiddefendihom.
"Fuq l-infurzar il-Gvern ftaħar u ħabbar, imma m'għamel xejn, kollox duħħan," sostna Briguglio.
Għal dan il-għan il-PN qed jipproponi li jsiru Green Community Officers, probabbilment fuq il-passi tal-esperiment li sfortunatamkent falla tal-Green Wardens.
"Qed nipproponu li jkun hemm inċentivi biex persuni jieħdu sehem f'attaivitajiet ambjentali filwaqt li tiżdied id-disponibilità tar-riċerka, pubblikazzjonijiet u edukazzjoni fir-rigward tal-ambjent," qal Briguglio.
Briguglio sostna illi l-PN qed jipproponi wkoll li NGOs u anke l-Kunsilli Lokali jkunu mgħejjuna biex jappellaw fuq proġetti kbar minflok ikollhom imorru jittalbu għall-flus. Każ simili bħalissa huwa dak tax-Xemxija fejn residenti qed jiġbru flus biex ikun jista' jsir l-appell kontra żvilupp massiċċ ta' appartamenti fuq is-sit fejn kien hemm il-Mistra Village. Birguglio iżda ma elaborax dwar kif se tingħata din l-għajnuna mill-Gvern, f'appell kontra deċiżjoni minn awtorità tal-gvern.
Il-kandidat tal-PN qal li l-partit jaqbel illi l-entitajiet u l-binjiet kollha tal-Gvern joperaw mingħajr karbonju.
Intant id-Deputat Jason Azzopardi u l-Kelliem tal-PN għall-ambjent frakkar kif Malta tinsab fl-aħħar post fl-UE fil-kwalità tal-arja u r-raba' l-agħar f'dak li jirrigwarda riċiklaġġ. Azzopardi qal illi għall-mudell ekonomiku tal-gvern il-pajjiż, l-aktar l-ambjent, qed iħallas prezz qares.