Fi ftit ġranet ir-residenti tax-Xemxija, flimkien ma' oħrajn, ġabru b'kollox ftit aktar minn €5,000 biex jappellaw kontra l-proġett approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar fuq is-sit fejn kien hemm il-Mistra Village.
Jidher illi d-donazzjonijiet ġew minn kull parti tal-pajjiż u kelliem għal din l-inizjattiva qal illi l-aktar li ġew id-donazzjonijiet, apparti x-Xemxija, kienu minn Pembroke u x-Xgħajra fejn hemm propost jew se jsir żvilupp massiċċ ieħor.
Kelliem għall-inizjattiva qal illi dan juri illi meta l-poplu jħalli d-differenzi politiċi warajh, kapaċi jakkwista affarijiet kbar u kapaċi jsemma' leħnu kontra żvilupp "li qiegħed jifga' lill-pajjiżna, lill-komunitajiet tagħna u l-mod tal-għixien tagħna."
F'Jannar li għadda l-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-permess għal proġett ta' 744 appartament f'erba' blokok li jitilgħu għal 12-il sular kull wieħed.
Il-permess, oriġinarjament, ħareġ fl-2013 u kien validu għal ħames snin. Għalhekk l-Awtorità issa ġeddedt il-permess għal ħames snin oħra.
Tliet membri tal-Awtorità vvutaw kontra: ir-rappreżentanta tal-Partit Nazzjonalista Marthese Portelli, Timothy Gambin u Victor Axiak.