Grupp ta’ residenti mix-Xgħajra inkwetati dwar il-possibbilità tar-reklamazzjoni tal-art fir-raħal tagħhom qed jagħmlu talba ċara lill-Gvern sabiex jingħataw garanzija li x-xatt tagħhom u tal-madwar se jibqa’ l-istess u ma jinbeniex.
Din il-gazzetta tkellmet ma’ George Xuereb li twieled u trabba f’dan ir-raħal pittoresk fin-Nofsinhar ta’ Malta. Fid-dawl ta’ din il-possibbiltà, Xuereb flimkien ma’ residenti oħra waqqaf il-grupp, ‘Xgħajra Seafront Interest Group.’
Mal-ILLUM huwa jispjega l-għan wara l-ħidma kotrana tagħhom. “Aħna qed nirrappreżentaw grupp ta’ nies kbir li għandhom għal qalbhom l-ambjent naturali u dak soċjali ta’ dan ir-raħal,” spjega Xuereb.
Hu kompla “hawnhekk hawn xatt mill-isbaħ, u l-baħar huwa mimli ħajja. Kull żvilupp li se jsir fiż-żona se jkun għad-detriment ta’ dan ir-raħal.”
Skontu dan il-proġett mhux se jkun qed jeqred biss is-sbuħija naturali tax-Xgħajra iżda anke l-mod ta’ kif hu flimkien mar-residenti l-oħra jgħixu l-ħajja tagħhom,.
“Il-baħar u l-kosta nafuha daqs kemm nafu l-art, hawnhekk kull parti li hawn fix-xatt għandha isem. Fix-xhur tas-sajf jekk ngħidu se ninżlu ngħumu, mhux sempliċiment ngħidu nżilna fuq il-blat iżda sejrin ngħumu il-Kanala, inżilna ngħumu tal-Patrijiet, morna nistadu fuq it-torri,” saħaq Xuereb.
Żied jgħid ukoll li, “iż-żona li qed tissemma tinkludi wkoll bħala possibbiltà, in-naħa taż-Żonqor li għadu mhux żviluppat u allura huwa park naturali b’art verġni li għandu jkun protett.”
Għalhekk, hu flimkien mar-residenti l-oħra qed jagħmlu talba ċara lill-Gvern.
“Qed nitolbu dikjarazzjoni ċara, min-naħa tal-awtoritajiet u min-naħa tal-Gvern li l-kosta tax-Xgħajra sa Wied il-Għajn se tibqa' kif inhi mingħajr bini ta’ gżejjer artifiċjali,” temm jgħid Xuereb.
‘Bilfors trid issir miż-żona taż-Żonqor sal-Għadira’
It-tħassib tar-residenti kien imqanqal minn mappa tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi li kienet ippubblikat il-gazzetta oħt MaltaToday fl-aħħar tas-sena 2018. Skont din il-mappa, (ara l-istampa) il-kosta li testendi mix-Xgħajra sa Portomaso, f’San Ġiljan, hi waħda miż-żoni ideali għar-reklamazzjoni tal-art.
Minkejja li s’issa għad m’hemmx konferma uffiċjali li r-reklamazzjoni tal-art se sseħħ fix-Xgħajra, il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera saħaq li r-reklamazzjoni tal-art bilfors trid issir miż-żona taż-Żonqor sal-Għadira.
Fil-ġimgħat li għaddew hu kien żvela kif, “ir-reklamazzjoni tal-art ma tistax issir fuq in-naħa l-oħra tal-kosta tal-gżira għaliex hemmhekk għandek l-irdum u allura jibqa’ sejjer fil-fond. Jekk ma ssirx f’din iż-żona ma tista’ ssir imkien,” sostna Herrera.