Coleiro Preca: Ma jidhirx li se jkollha l-konvenzjoni Kostituzzjonali taħt idejha
Jekk Muscat iżomm mal-istess data ta’ ħames snin ilu, suppost din il-ġimgħa jħabbar il-President il-ġdid
More in Politika
Jekk Muscat iżomm mal-istess data ta’ ħames snin ilu, suppost din il-ġimgħa jħabbar il-President il-ġdid
Minn informazzjoni li għandha l-gazzetta ILLUM minn sorsi viċin ħafna tal-Gvern, jidher illi l-President Marie Louise Coleiro Preca mhix se tkun qed tmexxi l-Konvenzjoni Kostituzzjonali. Apparti minn hekk, minkejja xnigħat persistenti fost Deputati tal-Gvern stess li Coleiro Preca tixtieq tibqa’ responsabbli tal-Malta Community Chest Fund, l-istess sorsi qalu li dan mhux se jseħħ.
Kienet Coleiro Preca nnifisha illi f’intervista mal-gazzetta Maltatoday f’Jannar sostniet illi kienet f’diskussjonijiet mal-Prim Ministru biex hi tibqa’ tmexxi l-Konvenzjoni Kostituzzjonali, xi ħaġa li ġabet kritika qawwija mill-eks Deputat Nazzjonalista Franco Debono.
Matul l-aħħar jiem, il-gazzetta ILLUM għamlet kuntatt ma’ xi Deputati Laburisti li lkoll qalu li semgħu illi Coleiro Preca tixtieq li tibqa’ tmexxi l-Malta Community Chest Fund. Iżda, kelliem għall-President dan ċaħad din l-informazzjoni meta mistoqsi minn din il-gazzetta.
Sors viċin il-Gvern ċaħad ukoll li Coleiro Preca se tkun qed tieħu ħsieb l-MCCF u kkonferma li kollox juri illi Coleiro Preca lanqas mhi se tingħata t-tmexxija tal-Konvenzjoni Kostituzzjonali. Mhux ċar għalfejn hu dan, però sors partikolari qal illi jekk il-President li jmiss se jkun George Vella dan se jkun irid li jżomm taħt idejh din il-Konvenzjoni li hija ta’ natura ferm importanti.
Il-Konvenzjoni Kostituzzjonali kellha titmexxa minn Franco Debono, iżda fl-aħħar xhur kien deċiż li titmexxa mill-President Coleiro Preca wara li, skont Debono, din kienet qed timbotta biex tieħu dan l-irwol.
Din l-informazzjoni tiġi hekk kif minkejja li t-terminu tal-President tar-Repubblika jispiċċa xahar ieħor għadu ma tħabbarx min se jkun il-President li jmiss.
S’issa l-aktar żewġ ismijiet li ssemmew kienu l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo u l-eks Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella.
Jekk Muscat iżomm mal-istess data ta’ ħames snin ilu (4 ta’ Marzu) suppost din il-ġimgħa jħabbar b’mod uffiċjali min se jkun il-President tar-Repubblika li jmiss.