Ħaddiema tax-xatt jaħdmu kuljum u jilmentaw li m’għandhomx leave

150 xufier każwali li jaħdmu kuljum u m’għandhom ebda forma ta’ leave... il-Malta Dockers’ Union  tfakkar illi dawn il-ħaddiema ffirmaw il-kuntratt li kien jgħid ċar illi l-ħaddiema jeħtieġ ikunu self-employed

Persuni li jaħdmu fil-Port Ħieles bħala xufiera każwali qalu lil din il-gazzetta illi qed jaħdmu f’biża’ u mingħajr ċerti drittijiet bħal-leave, li jinkludi dak tal-mard, tal-mistrieħ, tal-maternità, paternità jew leave ta’ luttu. Is-sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu illi apparti li qed jitniżżlu bħala ‘self employed’ meta fil-verità mhumiex, mhux qed jitħallew jidħlu f’unjin.

Sors li tkellem mal-gazzetta ILLUM sostna li f’każ ta’ mard jew f’każ ta’ mistrieħ dawn il-ħaddiema ma jitħallsu assolutament xejn. Sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu  wkoll illi dawn il-ħaddiema jaħdmu sebat ijiem fil-ġimgħa, jiġifieri kuljum.

Ryan Fava, kelliem għall-impjegatur ta’ dawn il-150 xufier każwali, jiġifieri l-Malta Dockers’ Union (MDU), filwaqt li kkonferma illi dawn il-ħaddiema qed jitħaddmu bħala self employed, li jaħdmu kuljum u li m’għandhomx leave, fakkar ukoll illi anke l-ħaddiema tal-Port liċenzjati m’għandhomx leave. Fakkar ukoll li l-ħaddiema kollha qegħdin fuq kuntratt li ffirmaw għalih huma stess.

Assigurazzjoni u bonus mill-MDU

“Il-liġi tal-ħaddiema tax-xatt tispeċifika li m’hemmx ġranet leave,” qal Fava li fakkar illi l-ħaddiema każwali għandhom ukoll bonuses relatati max-xogħol u allura iktar kemm tipproduċi persuna iktar ikollha bonus. Qal li apparti l-production bonus hemm ukoll bonus li l-Malta Dockers Union se ddaħħal issa u li huwa €15 għal dawk li jaħdmu fis-sitt jew is-seba’ ġurnata tal-ġimgħa.

Fava iżda qal ukoll li kull ħaddiem huwa assigurat u għandu €20 għal kull ġurnata li jkun indispost minħabba mard.

 

Kienu se jidħlu mal-GWU, imma ma daħlux ...

Sorsi li kellmu lil din il-gazzetta qalu iżda illi ħafna minn dawn il-madwar 150 ħaddiem każwali jibżgħu jitkellmu biex ikollhom id-drittijiet tagħhom salvagwardjati, għax jemmnu li jekk jagħmlu dan jispiċċaw jitkeċċew. Sorsi li tkellmu mal-ILLUM qalu illi dawn il-ħaddiema madwar sentejn u nofs ilu kienu marru fuq il-GWU u talbu li jidħlu fl-unjin. Imma sforz dak li sorsi ddeskrivew bħala biża’ u anke theddid, il-ħaddiema ma ssiħbux.

Iżda Fava ċaħad dan mal-gazzetta u qal li l-MDU qatt ma waqqfet lil ħadd milli jissieħeb f’unjin. Hu ċaħad ukoll li kien hemm xi forma ta’ theddid fil-konfront tal-ħaddiema kemm-il darba dawn jippruvaw jidħlu f’unjin.

Il-ħaddiema tax-xatt liċenzjati jagħmlu tliet tipi ta’ xogħol differenti. Fosthom: bħala xufiera, lashing (irbit) u lużu tal-locks.

Il-ħaddiema każwali u allura dawk li mhumiex liċenzjati jagħmlu xogħol ta’ xufiera li ma jagħmlux dawk li huma liċenzjati.

‘Bla mistireħ u waqfien..’

Xi ħadd qrib ta’ dawn il-ħaddiema sostna mal-ILLUM illi dawn ma jridux illi jkollhom il-liċenzja imma jridu biss li jingħataw id-drittijiet tagħhom.

Sfortunatament ħadd mill-ħaddiema ma kienu lesti li jitkellmu mal-gazzetta, iżda sors qrib tagħhom esprima r-rabja f’isimhom, “ma jistax ikun jibqgħu sejrin hekk. Bla mistrieħ u bla waqfien u jekk jieqfu jispiċċaw minn taħt u jispiċċaw ibatu l-familji tagħhom. Fuq 150 familja qed nitkellmu hawn mhux erbgħa, anke kieku erbgħa aħseb u ara.”

Imma mal-ILLUM Fava jinsisti li l-biża’ mill-ħaddiema hija infondata. “Aħna qatt ma keċċejna nies,” sostna filwaqt li qal illi l-MDU dejjem kienet maġenb il-ħaddiema, anke quddiem akkużi fil-konfront tagħhom. Dan apparti li kif diġà għidna Fava fakkar illi lanqas il-ħaddiema liċenzjati m’għandhom leave.

Hu qal ukoll li l-MDU tiggarantixxi ħlas ta’ 40 siegħa xogħol, anke meta x-xogħol jonqos. “Dan minkejja li huma self-employed. Kif inħallsu l-ħwejjeġ ta’ protezzjoni li jiswew mas-€60,000.”

U kemm qed jitħallsu?

Dawn il-ħaddiema jaqilgħu €60 kuljum u għal kull nhar ta’ Ħadd jingħataw €110, li allura jfisser €470 fil-ġimgħa. Peress li huma rreġistrati bħala ‘self-employed’ ikollhom iħallsu t-taxxa u l-bolla huma stess minflok tinqata’ mill-ewwel mill-paga.

Is-sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu illi fil-ġimgħa jħallsu madwar €60 f’taxxa u €50 f’bolla li allura jammontaw għal madwar €110. B’kollox ħaddiem hawnhekk jaqla’ mat-€360 fil-ġimgħa.

Finalment wieħed minn dawk li tkellmu ma’ din il-gazzetta qal illi bi dħul ta’ numru ta’ part timers, dawn il-madwar 150 ħaddiem inqatgħalhom l-overtime wkoll.

L-aħħar stejjer dwar ħaddiema fuq l-ILLUM

Din mhux l-ewwel darba li din il-gazzetta qed tirrapporta dwar kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ persuni differenti. Fil-fatt fl-aħħar ġimgħat, il-gazzetta ILLUM irrappurtat dwar diversi kundizzjonijiet ta’ ħaddiema, speċjalment fl-isptar ta’ Għawdex. Fil-fatt l-ILLUM irrappurtat kif ma’ Signal 8 diversi ħaddiema skrivani kienu qed jitħaddmu b’kuntratti ta’ xahar b’xahar jew tliet xhur tliet xhur. Is-sid tal-kumpanija kien qal li hu mhux qed jikser il-liġi u fil-fatt dan huwa minnu għaliex il-liġi tgħid li impjegatur jista’ jħaddem persuna b’kuntratti ta’ xahar b’xahar fl-ewwel erba’ snin tal-impjieg u jkun wara dan il-perjodu li jkun jista’ jbiddel il-kuntratt tax-xogħol f’wieħed definit.

Din il-gazzetta kienet iddeskriviet din is-sitwazzjoni bħala ‘prekarjat leġittimizzat’.

Iktar riċenti din il-gazzetta rrappurtat kif ħaddiema tal-JF Services fl-istess sptar ta’ Għawdex kienu qed jaqlgħulhom qalbhom għal-leave u kienu qed jaqilgħu bejn €300 u €400 inqas minn ħaddiema carers li jagħmlu l-istess xogħol eżatt. Il-UĦM qalet lil din il-gazzetta li huwa l-Gvern li fil-kuntratt li ta poġġa lil dawn il-carers fuq Skala 16 (Step 1) u allura jaqbad paga ta’ madwar €13,530 fis-sena jew madwar €1,040 fix-xahar.

More in Politika