'Hemm bżonn kampanja qawwija u bla waqfien ta’ edukazzjoni sesswali '
Il-Partit Demokratiku jiddikjara li hu favur il-ħajja
More in Politika
Il-Partit Demokratiku jiddikjara li hu favur il-ħajja
Fi stqarrija il-Partit Demokratiku ddikjara li hu "favur il-ħajja f’kuntest aktar wiesgħa milli s-soltu nifhmu f’dan id-dibattitu."
"Aħna favur il-ħajja għax il-'policies' tagħna jaħdmu biex iħarsu l-ħajja fl-istadji varji tagħha u jiffukaw fuq il-kawżi bażiċi ta’ daqstant tqaliet mhux mixtieqa,' qalet l-istqarrija.
Il-PD jemmen li l-ewwel hemm bżonn li nedukaw u nagħtu s-setgħa liż-żgħażagħ tagħna biex jevitaw sitwazzjonijiet fejn jiġi kkunsidrat l-abort.
"Hemm bżonn kampanja qawwija u bla waqfien ta’ edukazzjoni sesswali. Din trid tiġi integrata fil-kurrikulu nazzjonali tagħna minn età bikrija. Is-setgħa tinsab fl-għarfien, u kampanja bħal din trid tkun miftuħa, ċara, u kontinwa. Irridu nagħtu liż-żgħażagħ tagħna il-ħiliet neċessarji biex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet edukati u informati dwar l-attività sesswali tagħhom," sostna il-PD.
Żied jgħid li, "aħna favur il-ħajja mhux biss fid-difiża ta’ min għad irid jitwieled imma wkoll favur il-ħajja wara twelid, li tfisser naħdmu favur kwalità ta’ ħajja tajba għall-familji tagħna."
Għalhekk il-PD qed jinsisti li s-soċjetà tagħna fosthom l-Gvern, NGOs, organizzazzjonijiet reliġjużi u sekulari jiżguraw li tfal ġejjin minn tqaliet mhux mistennija, jew li twieldu f’familji mingħajr mezzi adegwati biex jieħdu ħsiebhom, jingħataw futur tajjeb daqs tfal oħra li twieldu f’familji aktar stabbli.
Fl-istess waqt, il-PD qal li hu favur l-għażla wkoll.
"Aħna favur l-għażla li għandu jkollhom in-nisa għal aċċess ta’ edukazzjoni sesswali tajba, kontraċezzjoni, u servizzi tas-saħħa femminili. Aħna favur li n-nisa għandhom jkollhom l-għażla vera kontra d-deċiżjoni ta’ terminazzjoni ta’ tqala għax il-wild tagħhom se jingħata kura tajba, jew jistgħu jiddependu fuq sapport istituzzjonali attiva jekk jiddeċiedu li jżommu l-wild minn tqala mhix mistennija huma stess."
Żied jgħid li, "aħna favur l-għażla fis-sens li ma rridux tqaliet jiġu terminati għax il-ġenituri (partikolarment il-mara) ma tarax ħlief futur iswed mingħajr għajnuna adegwata morali, psikoloġika, materjali u soċjali. Aħna favur l-għażla għax favur it-trawwim ta’ soċjetà fejn in-nisa jkunu ttrattati b’mod ekwu f’soċjetà b’tolleranza zero lejn il-vjolenza u abbuż. Għadna ngħixu f’soċjetà fejn in-nisa mhux trattati b’mod ugwali f’ħafna aspetti sew fir-rwol pubbliku, sew fir-rwol tal-ħajja privata tagħhom," saħaq il-PD.
Fi tmiem l-istqarrija l-PD qal li jemmen fil-libertà tal-kuxjenza u jħalli l-membri u r-rappreżentanti tiegħu jħaddnu t-twemmin tagħhom fuq suġġett daqstant sensittiv. Il-PD jemmen li diskussjoni fuq din il-materja m’għandhiex tpoġġi d-drittijiet tal-omm kontra dawk tat-tarbija li għadha fil-ġuf.