L-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fetaħ rikors fil-Qorti, illi fih qed jinsisti li l-istituzzjonijiet Maltin b'mod mill-aktar flagranti fallew milli jieħdu azzjoni kontra Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Busuttil sostna li l-paraliżi istituzzjonali quddiem il-Panama Papers u allura ż-żewġ kumpaniji li kienu fetħu l-istess Mizzi u Schembri, kisret il-liġijiet Ewropej u ċ-Charter tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem.
Fir-rikors ta' 77 paġna Busuttil jirrepeti l-għajta għall-investigazzjoni mid-dokumenti li ġew 'leaked'.
Ir-rikors jgħid li hemm provi illi għad hemm karti u korrispondenza li nstabu f'diversi uffiċċji f'Malta li jikxfu dettalji dwar il-kumanija Hearnville u Tillgate, li allegatament kienu qed jirċievu l-flus minn 17 Black.
Busuttil argumenta illi l-falliment ta' diversi istituzzjonijiet li jieħdu azzjoni ifisser ukoll ksur tal-liġi domestika u d-direttivi tal-ħasil ta' flus.
Huwa temm jgħid li lest jagħti informazzjoni taħt ġurament meta l-maġistrat iħoss il-bżonn.