'Wasal iż-żmien li l-liġijiet dwar l-abort ikunu riveduti u l-abort dikriminalizzat'

Numru ta' għaqdiet f'koalizzjoni jipproponu d-dikriminalizzazzjoni tal-abort u se jibdew ifakkru l-Jum dinji tal-abort

Voice for Choice/L-Għażla Tagħha hija l-ewwel koalizzjoni Maltija favur l-għażla magħmula minn organizzazzjonijiet u individwi mis-soċjetà ċivili li flimkien jixtiequ jibnu kampanja favur id-drittijiet u l-ġustizzja fil-qasam tar-riproduzzjoni f’Malta. 

"L-abort f’Malta għadu illegali f’kull ċirkustanza. Nafu li r-realtà hi li nisa f’Malta xorta qegħdin ifittxu u jagħmlu l-abort," sostnew dawn l-għaqdiet kif fil-fatt irrappurtat il-gazzetta ILLUM ġimgħatejn ilu meta wriet kif issir rakkomandazzjoni biex jintużaw ċerti siti minn fejn ikunu jistg'u jinxtraw pilloli abortivi.

"Dawn qed iħallsu prezz kemm finanzjarju kif ukoll soċjali apparti l-impatt fuq is-saħħa fiżika u mentali tagħhom għax dawn in-nisa jispiċċaw jgħixu bil-biża', bl-istigma u l-mistħija fis-soċjetà tagħna."

"F’dawn l-aħħar snin, Malta għamlet passi kbar biex issir soċjetà iktar inklussiva. Għalhekk wasal iż-żmien biex il-liġijiet li għandhom x’jaqsmu mal-abort ukoll jiġu riveduti biex ikunu jirriflettu r-realtajiet tal-ħajja tan-nies. Aħna qegħdin hawn biex nassiguraw li kull persuna tqila, irrispettivament mill-ġeneru, l-etniċità, it-twemmin u l-età, ikunu megħjuna, rispettati u protetti, huma x’inhuma l-għażliet tagħhom."

Fost l-għanijiet hemm dak li permezz ta’ kampanja favur id-dekriminalizzazzjoni tal-abort u billi nagħmlu pressjoni biex ikollna liġijiet li jaċċertaw li s-saħħa ta’ persuni tqal tkun protetta u konformi mal-livelli internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta’ kura xierqa tal-abort. Se nkunu wkoll qed naħdmu biex nedukaw u nneħħu l-miti marbutin mal-abort billi nipprovdu informazzjoni fattwali dwar is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi," sostnew fl-istqarrija.

VoiceL-Għażla Tagħha se tibda torganizza wkoll attività kull sena biex tfakkar il-Jum Dinji tal-Abort Sigur (fit-28 ta’ Settembru).

L-għaqdiet huma Women's Rights Foundation, Men Against Violence, Moviment Graffitti, Malta Humanist Association u Integra Foundation u l-Aditus.

More in Politika