'Il-ħaddiema minn barra l-UE għandhom ikunu kkwalifikati u jkollhom l-esperjenza'
Il-UĦM tisħaq li l-influss tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi qed iħalli effett negattiv fuq il-pagi f'Malta
minn Yendrick Cioffi
Il-UĦM Voice of the Workers qalet li għall-kuntrarju ta’ dak li ġara f’pajjiżi oħra, fosthom Spanja u l-Portugal, f’Malta, l-influss tal-ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea qed joħloq pressjoni fuq il-pagi f'Malta li qed jibqgħu baxxi.
Kien għalhekk, li l-UĦM qed tappella biex l-influss tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi jkun limitat biss għal dawk li għandhom kwalifiki għolja u li għandhom il-kompetenza teknika biex jgħinu fit-tisħiħ tal-produttività.
Il-UĦM kienet qed tirreaġixxi għar-riżultati preliminari ta’ studju li sar mill-Eurofound, l-aġenzija Ewropea li tħares it-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-livell tal-għajxien fl-Ewropa.
Jirriżulta, li f'dan l-istudju, Malta rreġistrat l-inqas żieda fil-paga minima fost l-istati membri kollha.
Il-UĦM ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li minkejja li l-paga medja tal-ħaddiema żdiedet fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, wara d-daqqa ta’ ħarta li ħadet bil-kriżi ekonomika, dan ma jfissirx li l-ħaddiema kollha gawdew b’mod ugwali minnha. Għall-kuntrarju jidher li l-inguwaljanza fil-pagi kull ma jmur qed tiżdied.
Il-UĦM fakkret li għalkemm il-paga minima f’Malta żdiedet wara l-ftehim tal-2017, din iż-żieda għadha lura ħafna milli tirrifletti r-realtà f'pajjiżna. Kompliet tfakkar li skont il-ftehim, fl-2020 għandha titwaqqaf Kummissjoni biex tirrevedi l-paga minima skont il-ftehmiet kollettivi.
Kien hawn li l-UĦM tkellmet fuq il-fatt li f’Malta, il-ħaddiema minn pajjiżi terzi qed jaffetwaw ħażin il-pagi f’Malta.
Spjegat kif minkejja li uffiċjalment hemm 4,000 persuna fuq il-paga minima, dan l-ammont huwa 'l bogħod mir-realtà u dan għax skont il-unjin, dejjem qed jiżdied l-għadd ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi li jitħallsu bil-paga minima jew bi ftit inqas.
“Minħabba f’hekk mhux sorpriżi li l-medja tal-paga minima fl-Unjoni Ewropea, (€924) hija konsiderevolment ogħla minn dik f’Malta (€762),” kompliet tgħid l-istqarrija.
Fakkret ukoll li Malta għandha wkoll l-akbar ammont ta' ħaddiema barranin fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, b'dawk minn pajjiżi terzi qed jiżdiedu b'rata mgħaġġla. Spjegat kif għal kuntrarju ta' dak li seħħ f'pajjiżi oħra, fosthom fil-Lussemburgu, dan l-influss f'Malta seħħ fuq perjodu ta' ftit snin u dan ħalla impatt negattiv fuq il-pagi.
Kien għalhekk li l-UĦM qed tappella biex tkun implimentata t-tieni fażi tal-ftehim dwar il-paga minima, li l-influss tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi jkun limitat għal dawk bi kwalifiki u esperjenza u biex il-ħaddiema kemm Maltin u anke barranin jissieħbu f’unjin.
'Il-Gvern għandu jieħu nota ta' min qed jikkritika l-mudell ekonomiku tiegħu'
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Gvern għandu jieħu nota ta' dak li qed tgħidlu l-UĦM għax fi kliemm t-tkabbir tal-ekonomija bil-popolazzjoni bla pjan qed iwassal għaċ-cheap labour.
Fakkar li diversi entitajiet u ħassieba oħra fosthom il-konsulent tal-Gvern Yana Mintoff u Sammy Meilaq kienu diġà kkritikaw dan il-mudell ekonomiku u li skont il-PN qed ikabbar il-faqar u joħloq problemi fis-settur tal-housing.
Filwaqt li rrefera għar-rapport tal-Eurofound fakkar ukoll li l-NSO qed turi kif hawn 40,000 persuna li mhux qed jaslu sal-aħħar tax-xahar minħabba l-ispejjeż.
"Il-Gvern għandu r-responsabbilità li jara li l-ħaddiema barranin li qed iġib kull sena jingħataw kundizzjonijiet tajba u li jkun hemm ħlas indaqs għal xogħol ugwali u mhux jispiċċaw fil-prekarjat jew saħansitra sfruttati," saħaq il-PN.
L-istqarrija tinsisti li Gvernijiet Nazzjonalisti kienu jattiraw lejn il-pajjiż setturi ekonomiċi ġodda u innovattivi bħall-gaming, is-servizzi finanzjarji, farmaċewtika u l-avjazzjoni.
"Setturi li għadna qegħdin ingawdu l-frott tagħhom sal-lum il-ġurnata, u fejn il-ħaddiema barranin kienu jġibu magħhom esperjenza u ħiliet ġodda, filwaqt li jħarrġu u jgħollu l-livell tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin iżda minflok għall-Gvern Laburista, l-ħaddiema barranin huma biss numri," temm jisħaq il-PN.