11% tal-ħaddiema f’Malta jibżgħu jidħlu f’unjin għax jitkeċċew mix-xogħol

Stħarriġ tal-GWU juri illi 11% tal-ħaddiema Maltin jibżgħu li jidħlu membri ta’ unjin għax jitkeċċew mix-xogħol. Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-GWU jinsisti li għad hawn l-abbuż u biża’ fost ħafna ħaddiema li jixtiequ jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom...

Minn studju, fil-forma ta’ stħarriġ li għamlet il-General Workers’ Union (GWU) jirriżulta li madwar 11% tal-ħaddiema f’pajjiżna jibżgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jissieħbu f’unjin minħabba theddid li jekk jagħmlu dan jitkeċċew mix-xogħol.

Hekk sostna s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja f’kummenti mal-gazzetta ILLUM. Huwa sostna li għal dan l-abbuż ir-risposta hija li s-sħubija f’unjin issir obbligatorja.

Huwa jsemmi eżempju ta’ ħaddiem li kellmu ftit ġranet ilu u li jaħdem f’kumpanija stabbilita ġdida bi tmexxija barranija, fejn il-ħaddiema kienu mwissijin li jekk jissieħbu f‘unjin jitkeċċew minn fuq il-post tax-xogħol.

“Għad hawn l-abbużi,” sostna s-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

Imma nfakkru; il-libertà tal-assoċjazzjoni ma tfissirx ukoll libertà tad-diżassoċjazzjoni u allura li ma tisseħibx f’unjin.

Bugeja jammetti li dan huwa l-każ għalkemm ifakkar ukoll illi l-Istati Uniti li jgħid illi huwa “l-aktar pajjiż kapitalist” tad-dinja wkoll qed jagħmlu xi ħaġa simili.

F’eku ta’ dak li kien qal uffiċjal tal-GWU mal-ILLUM, Bugeja jfakkar illi meta jsir ftehim kollettiv isir għall-ħaddiema kollha tal-post tax-xogħol anke dawk li mhumiex membri tal-unjin.

M’għadhiex tagħmel storbju fuq il-prekarjat il-GWU?

Induru fuq il-prekarjat. Il-GWU kienet tagħmel ħafna storbju fuq il-prekarjat meta kien hemm il-PN fil-Gvern. Illum jinħass li naqas l-għagħa. Imma prekarjat hemm, mhux hekk? Għalfejn donnha l-unjin naqqset mill-għajjat tagħha dwar din il-kwistjoni?

“Mhux naqset l-għajta le, imma nbidlet l-għajta tal-GWU dwar il-prekarjat,” sostna Bugeja li jfakkar kif qabel kien hemm “ġungla”.

“Kien hawn ġungla, bla payslip, ħaddiema jitħallsu flus kontanti u jħallsu lura dawn il-flus...tajna definizzjoni ta’ prekarjat u wrejna kif irridu nindirizzawh,” sostna Bugeja. Fakkar illi l-Gvern preżenti lleġiżla favur payslip obbligatorja, li l-pagi dejjem jidħlu f’kont tal-bank u f’każ ta’ kuntratti, il-pagi jkunu stabbiliti fil-kuntratt. Fakkar ukoll kif il-Gvern Laburista żied l-ammont ta’ punti li jingħata impjegatur u allura aktar ċans li jirbaħ kutratti tal-Gvern, meta l-ħaddiema tiegħu jkunu mseħbin f’unjin bi ftehim kollettiv.

‘L-istess paga bażika, imma tal-kuntrattur ma jipprogressawx...’

Infakkru f’diversi rapporti li għamlet din il-gazzetta fl-aħħar ġimgħat speċjalment is-sitwazzjoni ta’ ħaddiema fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Bugeja jispjega kif issa l-paga bażika bejn ħaddiema tal-gvern u dawk tal-kuntratturi (ġeneralment ħaddiema ta’ sigurtà, carer, cleaner u skrivani) hija l-istess. Minkejja dan iżda dawn tal-aħħar m’għandhomx allowances u ma jipprogressawx f’termini ta’ skala.

Is-segretarju ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja
Is-segretarju ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja

L-istess xogħol, l-istess paga

Induru għal mument fuq il-ħaddiema fil-qasam tal-ospitalità. Dwar dawn Bugeja jammetti li l-kundizzjonijiet mhumiex tajbin “u għalhekk qed nisħqu fuq il-bżonn ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali.” Huwa jfakkar li dan huwa aktar urġenti llum għaliex f’diversi postijiet tax-xogħol il-ħaddiema m’għadhomx neċessarjament ta’ impjegatur  wieħed u allura jkollok lil dawk li huma tal-post u oħrajn li huma tal-kuntrattur.

“Issa aħna qed ngħidu li jekk hemm carer, biex nagħtu eżempju, li taħdem direttamet mas-sid tal-post u oħra li titħallas mill-kuntrattur għandhom ikunu mħallsin l-istess paga.”

Bugeja jgħid li f’ċerti każi (u jsemmi operaturi) id-differenza fil-paga bejn ħaddiema tal-Gvern u dawk tal-kuntrattur ġieli jitilgħu sa €7,500 fis-sena.

‘Għandna fejn inkomplu nżidu l-pagi’

F’ħarsa lejn l-ekonomija tal-pajjiż, Bugeja jgħid illi l-aħħar statistika turi li kien hemm żieda fil-profitti ta’ kumpaniji li tlaħħaq id-9.7%, “jiġifieri fejn inkomplu inżidu l-paga għandna.”

Imma vera li l-pagi tal-ħaddiema qed jiżdiedu?

“Fejn hemm ftehim kollettiv il-pagi qed jiżdiedu b’rata mgħaġġla,” jibda jgħid Bugeja. “Fejn m’hemmx ma nafux x’inhi s-sitwazzjoni.”

Hawnhekk isemmi d-differenza bejn kemm taqla’ mara u kemm jaqla’ paga raġel u mill-ġdid ifakkar illi fejn hemm ftehim kollettiv m’hemmx ‘gender pay gap’.

‘Madwar 50,000 jinsabu f’unjin f’Malta...’

Bdejna dan l-artiklu bi stqarrija dwar is-sħubija mal-unjins u nistaqsi lis-Segretarju Ġenerali tal-GWU jekk illum humiex qed jissieħbu nies, speċjalment żgħażagħ. Infakkru illi għal ħafna mhix il-moda li jissieħbu f’unjin, anke jekk imbagħad igergru fuq il-kundizzjonijiet.

Mal-ILLUM jammetti li dan huwa l-każ u jgħid li hemm bżonn li l-unjins iħarsu lejn l-immaġini tagħhom. “Hemm bżonn inbiddlu l-perċezzjoni biex l-unjin tkun aktar attraenti,” jisħaq filwaqt li jsemmi proġett li għaddejja bih il-GWU b’apprentistati li qed jaħdmu mal-istess unjin.

Ifakkar illi minn ftit iktar minn 200,000 persuna f’impjieg huma 50,000 b’kollox li huma mseħbin ma’ xi unjin f’pajjiżna.

Il-barrani: sfida fuq il-pagi tal-Malti?

Għal ftit ħin induru fuq il-ħaddiema barranin u nfakkru li bħalissa hawn ħafna għagħa dwarhom. Imma iktar minn kollox ma jħossx li hemm verità fil-fatt illi influss ta’ ħaddiema barranin minn ċerti pajjiżi qed iwasslu biex il-pagi jibqgħu baxxi u tnaqqas is-saħħa biex ħaddiema Maltin jinnegozjaw il-paga?

“Fil-postijiet tax-xogħol fejn hemm il-unjin jekk jidħol jaħdem barrani jiena dejjem nara li fejn hemm ftehim kollettiv dan jieħu l-istess paga. Imma fejn m’hemmx unjin, hemmhekk ikollna problema,” insista.

Hu kompla jgħid li l-isfidi mhumiex biss dawk relatati ma’ ftehim kollettiv. Pereżempju, spjega, kien hemm problema biex il-banek jiftħu kont lil ħaddiema barranin. Dan kien qed ifisser sfida partikolari minħabba li kuntrattur li jħaddem il-barranin jintrabat, meta jirbaħ tender, illi l-pagi kollha jitħallsu f’kont il-bank.

“Fl-aħħar, wara ħafna diskussjonijiet għamilna ftehim mal-MaltaPost li fetħulhom kont,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

Ammetta illi minkejja kollox il-kritika fil-konfront tal-unjin għax titkellem fuq il-barranin ma tonqosx. “Imma minkejja l-kritika, il-qgħad ma żdiedx,” irrimarka Bugeja.

“Jekk għandna 55,000 barrani li jaħdmu hawn, xi ħadd irid jagħmel ix-xogħol minflokhom. Jiena dejjem ngħidilhom; ma tridux barranin, mhux problema! Imma għamluh intom ix-xogħol!”

Huwa stqarr: “jgħajruna imma għalina kull ħaddiem huwa persuna u jiena nagħti l-protezzjoni lil kull min jeħtieġha.”

‘Sar ftehim kollettiv mal-Pulizija wara ħafna żmien...’

Finalment tkellimna wkoll dwar il-korpi dixxiplinati u l-fatt li dawn issieħbu f’unjins differenti. Imma din għamlet differenza?

“Dażgur li għamlet differenza. Sar ftehim kollettiv għall-pulizija wara żmien twil. Sar ftehim għall-uffiċjali tad-detenzjoni u hemm diskussjonijiet dwar l-uffiċjal tal-komunità (wardens)... u l-aħħar tad-dinja li kien hemm min bassar ma seħħx.”

Huwa temm jgħid li fejn hemm il-unjin m’hemmx abbużi, imma li fejn hemm il-unjins xorta hemm il-flessibilità, qabel imbagħad għamel elenku għall-kumpaniji li kabbru l-operat tagħhom fl-aħħar snin u fejn hemm preżenza ta’ unjin fosthom, Playmobil, l-ST, l-SR Technics u diversi lukandi.

More in Politika