Kunsilli Lokali: X’ġara u x’jista’ jiġri (1)

Kunsilli Lokali: ir-riżultati tal-aħħar tliet elezzjonijiet fil-kuntest li seħħew. Liema xejriet qegħdin juru dwar il-PN u l-PL? U f’Mejju x’inhu l-aktar probabbli li jiġri? L-ewwel minn sensiela ta’ artikli dwar l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali...

F’Mejju li ġej, apparti l-elezzjoni biex neleġġu l-Membri Parlamentari Ewropej (MEPs) se nkunu qed nintalbu wkoll nivvutaw biex neleġġu l-Kunsilli Lokali l-ġodda, fil-lokalitajiet kollha tal-pajjiż.

Il-gazzetta ILLUM tat ħarsa lejn ir-riżultati fl-aħħar tliet elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, fil-kuntest partikolari ta’ kull waħda, biex tipprova tifhem aħjar x’inhuma x-xejriet f’kull lokalità u allura, fil-kuntest tas-sondaġġi bħalissa, x’inhuma l-ewwel previżjonijiet li wieħed jista’ jagħmel għal kull lokalità, fejn din il-previżjoni tista’ tkun possibbli.

F’dan l-analiżi li se jkun imqassam fuq diversi Ħdud, il-gazzetta se tħares lejn kull lokalità, jekk kienx hemm elezzjoni oħra ma’ dik tal-Kunsilli fl-istess ġurnata u kif il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista żiedu jew naqsu l-voti matul l-aħħar tliet elezzjonijiet u kif din ix-xejra tista’ tħalli effett, jekk taffettwa, dak li se jiġri f’Mejju li ġej.

Il-Belt…iberraq għall-Partit Nazzjonalista

Il-Belt Valletta hija meqjusa bħala lokalità Nazzjonalista iżda mhux faċli wieħed jaqta’ linja u jgħid b’ċertezza min se jkun qed imexxi l-kunsill lokali tal-belt kapitali wara l-elezzjoni ta’ Mejju li ġej.

L-aħħar kunsill lokali f’din il-lokalità kien elett fl-2013, meta l-Beltin ħarġu jivvutaw mal-bqija tal-pajjiż f’elezzjoni ġenerali li rebaħ il-Partit Laburista. Dan jidher li ħalla effett ukoll fuq l-elezzjoni tal-kunsill lokali hekk kif id-distakk bejn il-partiti kien l-inqas wieħed mill-2005 ’l hawn.

Fl-2005, meta ma kien hemm l-ebda elezzjoni oħra ma’ dawk tal-kunsilli lokali, il-Partit Nazzjonalista rebaħ 2,109 voti filwaqt li l-Partit Laburista ġab 1,738 vot. Id-distakk bejn iż-żewġ partiti fl-elezzjoni għall-kunsill lokali tal-Belt Valletta kien dak ta’ 371 vot.

Fl-2008 u allura mal-elezzjoni ġenerali li rebaħ il-Partit Nazzjonalista, il-kandidati Nazzjonalisti għall-kunsill tal-Belt kisbu bejniethom 2,665 vot u dawk tal-Partit Laburista kisbu 2,155 vot, biex id-distakk tela’ għal 510 voti.

F’dik is-sena, kandidat indipendenti kien irnexxielu jikseb 209 voti.

Fl-2013, id-distakk bejn iż-żewġ partiti, fl-elezzjoni għall-kunsill lokali, kien ta’ 150 vot, fejn il-PN kiseb 2,453 vot u l-Partit Laburista kiseb 2,303 voti.

Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista żied il-voti fl-2008 u reġa’ naqqashom fl-2013, il-Partit Laburista fil-Belt baqa’ jżid il-voti f’kull elezzjoni.

Il-Furjana… fejn l-indipendenti jistgħu jilagħbu parti importanti

Il-Furjana minn dejjem kienet lokalità interessanti hekk kif minkejja li l-Partit Laburista dejjem ġab il-maġġoranza tal-voti, kandidati indipendenti kisbu numru sostanzjali ta’ voti, b’Nigel Holland saħansitra jkun is-sindku għal diversi snin.

Fl-2007, meta ma kien hemm l-ebda elezzjoni oħra ma’ dawk tal-kunsilli lokali, il-Partit Laburista kien rebaħ 719-il vot u l-Partit Nazzjonalista rebaħ 463 vot biex id-distakk bejniethom kien ta’ 256. Dik is-sena, Nigel Holland, f’isem Floriana, l-ewwel kien kiseb 137, filwaqt li Publio Agius f’isem Aġenda Soċjali għall-Furjana kien kiseb 134 vot.

Dan il-vot kien wassal biex il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista jtellgħu żewġ kandidati kull wieħed wara li ġie elett ukoll Nigel Holland li ntgħażel biex iservi bħala Sindku.

Fl-2012, meta wkoll kien hemm elezzjoni lokali biss, il-Partit Laburista rebaħ 654 vot, il-Partit Nazzjonalista rebaħ 485 vot u Holland kiseb 182 vot u reġa’ mexxa l-kunsill bħala Sindku.

Fl-2015, id-distakk bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista tela’ għal 218-il vot, fejn il-Partit Laburista kiseb 664 vot u l-Partit Nazzjonalista ġab 446 vot. F’din l-elezzjoni, Holland kiseb 132 vot u Publio Agius f’isem Aġenda għall-Furjaniżi ġab 127 vot. Din id-darba, il-Partit Laburista rnexxielu jeleġġi tliet kandidati u għalhekk mexxa l-kunsill.

Interessanti wkoll li f’din il-lokalità, iż-żewġ partiti ewlenin żiedu u naqsu l-voti fl-aħħar tliet elezzjonijet. Jekk inħarsu lejn l-2012, meta l-kandidat indipendenti Publio Agius ma kkontestax, il-Partit Laburista naqqas il-voti fuq l-elezzjoni tal-2007, bil-Partit Nazzjonalista u Nigel Holland iżidu ftit voti kull wieħed.

Meta Agius reġa’ kkontesta fl-2015, kemm il-Partit Nazzjonalista u anke Holland naqsu l-voti. Dik is-sena, il-Partit Laburista żied biss 10 voti.

Għalhekk, għal din il-lokalità, forsi għall-kuntrarju ta’ dak li nistgħu ngħidu għal lokalitajiet oħra, il-kandidati indipendenti (Holland ikkonferma li ħiereġ ma’ din il-gazzetta) jistgħu jilagħbu parti importanti ħafna fir-riżultat finali.

Apparti minn hekk, ġaladarba din is-sena l-Furjaniżi se jkunu qed jivvutaw ukoll fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, iċ-ċans huwa li aktar nies joħorġu jivvutaw, bil-PL u/jew PN, iżidu fil-voti tagħhom.

Il-Ħamrun...il-Partit Laburista b’rasu mistrieħa

Il-Ħamrun. Lokalità fejn il-Partit Laburista mhux biss kiseb maġġoranza komda fuq il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar snin, talli baqa’ jżid il-voti fl-elezzjoni tal-kunsilli lokali.

Fl-elezzjoni tal-2007, meta l-Ħamruniżi ħarġu jivvutaw għall-kunsill biss, il-Partit Laburista kiseb 3,128 vot u l-Partit Nazzjonalista ġab 2,277 vot biex id-distakk kien ta’ 851 vot.

Sena biss qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013, il-Ħamruniżi reġgħu vvutaw għall-kunsill u din id-darba d-distakk bejn il-partiti tela’ għal 1,270 vot. Il-Partit Laburista żied il-voti biex ġab 3,217-il vot u l-Partit Nazzjonalista naqqas il-voti u kiseb 1,947 vot.

L-aħħar li l-Ħamruniżi vvutaw kien fl-2015 meta l-Partit Laburista kompla jżid il-voti u kiseb 3,332 vot. Din id-darba, il-Partit Nazzjonalista żied ukoll il-voti biex b’kollox kiseb 2,285. Id-distakk naqas għal 1,047 vot anke jekk dan xorta fisser maġġoranza komda favur il-Partit Laburista.

Għalhekk, anke jekk qatt ma tista’ taqbad u taqta’ linja, kollox jindika li fil-Ħamrun il-Partit Laburista se jibqa’ b’saħħtu ħafna.

Il-Marsa…il-PL qed jitlef imma għadu komdu

Fl-aħħar tliet snin fil-Marsa, il-Partit Laburista dejjem naqqas il-voti iżda għad għandu maġġoranza komda ħafna.

Fl-2008, meta l-Partit Nazzjonalista rebaħ l-elezzjoni ġenerali, l-istess partit ġab ammont sostanzjali ta’ voti fl-elezzjoni tal-kunsill lokali, anke jekk il-Partit Laburista ġab ħafna aktar. Fil-fatt, id-distakk bejn il-partiti kien ta’ 1,421 vot, wara li l-Partit Laburista rebaħ 2,589 vot u l-Partit Nazzjonalista ġab 1,168 vot.

Fl-2012, meta ma kien hemm l-ebda elezzjoni oħra ħlief tal-kunsilli lokali, il-Partit Nazzjonalista naqqas drastikament il-voti u kiseb biss 550 vot. Il-Partit Laburista wkoll tilef 470 vot, biex ġab 2,119. Madanakollu dan kien ifisser li l-Partit Laburista żied id-distakk fuq l-2008, għal 1,569 vot.

Fl-aħħar elezzjoni għall-kunsill lokali li saret fl-2015, meta l-Marsin ivvutaw ukoll fir-Referendum tal-Kaċċa, il-Partit Laburista reġa’ naqqas il-voti u kiseb 2,063 filwaqt li l-Partit Nazzjonalista żied ftit voti biex kiseb 679. Għalhekk id-distakk reġa’ naqas għal 1,384.

Għalkemm wieħed qatt ma jista’ jkun ċert, anke jekk din is-sena aktar Marsin x’aktarx li ħerġin jivvutaw, id-distakk għadu kbir wisq biex jingħeleb.

Tal-Pietà…fejn kull vot jgħodd

Tal-Pietà. Diffiċli ħafna tipprova tbassar x’se jiġri hekk kif fl-aħħar tliet elezzjonijiet tal-kunsill lokali, iż-żewġ partiti ewlenin żiedu fil-voti tagħhom u d-distakk bejniethom kien wieħed minimu.

Mhux hekk biss, talli f’din il-lokalità, il-kunsill lokali għadda minn idejn il-Partit Laburista għal idejn il-Partit Nazzjonalista biex reġa’ spiċċa f’idejn il-Partit Laburista.

Fl-2006, meta ma kien hemm l-ebda elezzjoni oħra apparti tal-kunsill, il-Partit Laburista fil-Pietà kiseb 1,049 vot u l-Partit Nazzjonalista ġab 991 vot biex id-distakk kien dak ta’ 58 vot.

Fl-2009, meta apparti għall-kunsill, in-nies tal-Pietà ħarġu jivvutaw għall-Parlament Ewropew, il-Partit Nazzjonalista rebaħ il-kunsill b’125 vot wara li kiseb 1,257 vot kontra l-1,132 li ġabu bejniethom il-kandidati tal-Partit Laburista.

Meta fl-2013, l-istess lokalità vvutat kemm fl-elezzjoni tal-kunsill lokali u anke fl-elezzjoni ġenerali, il-Partit Laburista reġa’ ħa f’idu l-kunsill b’106 voti wara li kiseb 1,430 vot kontra l-1,327 vot li kiseb il-Partit Nazzjonalista.

Għalhekk, għal din il-lokalità nistgħu biss nistennew u naraw.

Santa Venera…lokalità oħra missielta

F’Santa Venera, fl-aħħar tliet elezzjonijiet tal-kunsill lokali, iż-żewġ partiti ewlenin ġabu ammont sostanzjali ta’ voti u l-maġġoranza nbidlet tliet darbiet.

Fl-2005, meta ma kien hemm l-ebda elezzjoni oħra apparti tal-kunsill lokali, il-Partit Nazzjonalista kiseb 1,543 vot u l-Partit Laburista kiseb 1,724 biex rebaħ il-kunsill Vendriż b’181 vot.

L-elezzjoni li kien imiss saret fl-istess ġurnata tal-elezzjoni ġenerali tal-2008 liema elezzjoni rebaħha l-Partit Nazzjonalista. Anke l-kunsill ta’ din ir-raħal kien rebħu l-Partit Nazzjonalista b’142 vot, wara li żied kważi 864 vot biex rebaħ 2,407 voti. Il-Partit Laburista kien kiseb 2,265 vot. Din is-sena, l-Alternattiva Demokratika kisbet 139 vot.

L-aħħar elezzjoni għall-kunsill Vendriż saret mal-elezzjoni ġenerali tal-2013 li rebaħ il-Partit Laburista. Dik is-sena wkoll il-kunsill mar f’idejn il-partit li rebaħ l-elezzjoni ġenerali. Fil-fatt, il-Partit Laburista żied il-voti u rebaħ 2,553 vot, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista naqqas u kiseb 2,168, biex id-distakk kien dak ta’ 385 vot. L-Alternattiva kisbet 123 vot.

Din is-sena l-elezzjoni għall-kunsill Vendriż se terġa’ ssir ma’ elezzjoni oħra importanti, din id-darba tal-Parlament Ewropew. Wieħed jista’ biss jistenna u jara jekk din hux se jerġa’ jkollha impatt fuq l-elezzjoni tal-kunsill. Iċ-ċans forsi jxaqleb xi ftit aktar lejn il-Partit Laburista hekk kif fost il-Vendriżi dejjem żied il-voti l-aħħar tliet elezzjonijiet.

Bormla: fortizza Laburista, b’possibilità li jonqsu l-voti għall-PN/PL

Bormla minn dejjem kienet lokalità meqjusa fortizza Laburista u hija prattikament ċertezza illi hekk se tibqa’.

Jekk inħarsu lejn l-aħħar tliet elezzjonijiet naraw illi l-PL dejjem kiseb distakki kbar fuq il-PN li fil-fatt kibru u li allura juru illi elezzjonijiet differenti m’għamlux effett partikolari.

Fl-2006, meta kien hemm elezzjoni tal-Kunsilli Lokali biss, il-PL kiseb 2,081 vot u l-PN 581 vot, b’distakk ta’ 1,500. Fl-2009, meta bħal Mejju li ġej kien hemm elezzjoni tal-MEPs, id-distakk kiber għal 2,033 vot bil-PL iżid il-voti b’600 u l-PN iżid 83 vot.

Fl-2013, allura ma’ elezzjoni ġenerali li l-PL rebaħ b’36,000 vot, l-partiti reġgħu żiedu l-voti għalkemm l-PL żied b’rata ħafna ikbar mill-PN. Fil-fatt l-PL żied mat-300 vot biex kiseb 3,012 u l-PN żied mal-40 vot għal total ta’ 704. Id-distakk kien ta’ 2,308 u allura l-akbar distakk f’dawn it-tliet elezzjonijiet.

Għalkemm xejn mhu ċert, hija kważi ovvja li l-PL hawn se jibqa’ b’maġġoranza qawwija, għalkemm jista’ jkun hemm tnaqqis fil-voti taż-żewġ partiti meta kkumparat mal-2013, minħabba li dik ta’ Mejju mhix elezzjoni ġenerali.

Il-Birgu: fortizza Laburista, b’possibilità li jiżdiedu l-voti għall-PN/PL

Fil-Birgu, kuntrarjament għal Bormla, minkejja li hija lokalità b’maġġoranza qawwija Laburista n-numri baqgħu xi ftit jew wisq statiċi. Għalkemm tajjeb wieħed jinnota illi l-Birgu qatt ma nzerta kien hemm elezzjoni tal-MEPs jew elezzjoni ġenerali mal-elezzjonijiet lokali, kien hemm biss referendum.

Fl-2007 il-PL ġab 1,261 vot u l-PN kiseb 353 vot u allura distakk ta’ 908 li żdied fl-2012 u fl-2015 (950 u 941 vot rispettivament) imma xorta baqa’ fl-istess ilma. Il-PN kiseb 353 vot, 313-il vot u 342 vot fit-tliet elezzjonijiet u allura prattikament baqa’ fejn kien. Il-PL kiseb 1,261 vot, 1,263 vot u 1,283 vot u allura baqa’ wkoll fejn kien.

Dan juri li r-referendum dwar il-kaċċa fl-2015 ftit għamel differenza fit-total aħħari tal-voti.

Peress li dik ta’ Mejju se tkun l-ewwel darba fl-aħħar 10 snin li l-Ġirbin se jivvutaw għall-Kunsilli Lokali kif ukoll għal elezzjoni nazzjonali teżisti l-probabilità li tkun irreġistrata żieda fin-numru totali tal-votanti li jmorru jivvutaw. Żieda li tkun riflessa xi mkien fil-voti tal-PL u/jew tal-PN.

L-Isla: triq għan-niżla għall-PN...

Filwaqt li f’Bormla l-PN u l-PL żiedu u fil-Birgu baqgħu l-istess, l-Isla kien hemm tnaqqis kontinwu f’kull waħda mit-tliet elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali għall-Partit Nazzjonalista.

Fl-2008, u allura mal-elezzjoni ġenerali li l-PN rebaħ b’1,500 vot, il-PN kiseb 592 vot u kien 986 vot ’il bogħod mill-Partit Laburista. Fl-2012, u allura meta kien hemm biss l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, il-PN ġab 167 vot inqas b’distakk ta’ 906 voti.

Fl-2015, mar-referendum dwar il-kaċċa, il-PN ġab 83 vot inqas mill-2012 u 250 vot inqas mill-2008. Id-distakk kien ta’ 1,022 vot.

Il-PL, minkejja li naqqas mill-2008 għall-elezzjonijiet l-oħrajn baqa’ jżomm livell ta’ appoġġ ta’ aktar minn 1,300 vot fl-2012 u fl-2015.

X’se jiġri f’din l-elezzjoni mhux ċar. Interessanti wieħed jara l-PN hux se jirkupra dawk il-250 vot li tilef jew inkella hux se jkompli bit-triq tan-niżla.

Erba’ lokalitajiet, maġġoranza Laburista, l-istess xejriet

Ħaż-Żabbar hija waħda mil-lokalitajiet il-kbar ‘Laburisti’. Din hija mistennija tibqa’ lokalità Laburista għalkemm hemm possibilità li jonqos it-total tal-voti lill-partiti jekk joħorġu inqas nies jivvutaw.

F’Ħaż-Żabbar saret elezzjoni tal-Kunsilli Lokali fl-2006, 2009 u fl-2013.

Fl-2006, meta kien hemm biss elezzjoni tal-Kunsilli, id-distakk kien ta’ 3,081 bejn iż-żewġ partiti bil-PN jikseb 2,071 vot u l-PL jikseb 5,152 vot.

Fl-2009, mal-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, il-PN żied 500 vot. Minkejja dan, id-distakk kiber għax il-PL żied 1,300 vot mill-2006, biex kien hemm differenza ta’ 3,886 vot bejn il-PL u l-PN.

Fl-2013 imbagħad id-distakk laħaq l-ogħla livell fl-aħħar 12-il sena hekk kif il-PL kiseb 4,874 vot aktar mill-PN. IL-PL kiseb 8,000 vot filwaqt li l-PN kiseb 3,135 vot.

Il-probabilità hija illi peress li dik ta’ Mejju mhux elezzjoni ġenerali, joħorġu inqas nies jivvutaw u allura jerġa’ jonqos bi ftit id-distakk bejn il-partiti għalkemm naturalment il-PL jibqa’ jkollu maġġoranza komda.

Din l-istess xejra eżatt tirrepeti ruħha f’lokalitajiet oħrajn. Waħda kbira, il-Fgura, u żewġ lokalitajiet żgħar; il-Kalkara u x-Xgħajra.

Il-Fgura

Fil-Fgura d-distakk kiber minn 2,053 fl-2006 meta ma kienx hemm elezzjoni oħra, għal 2,634 meta kien hemm l-elezzjoni tal-MEPs ukoll u differenza ta’ 3,502 fl-2013.

F’kull każ iżda fil-Fgura l-PN u l-PL żiedu l-voti għal massimu ta’ 2,411-il vot għall-PN fl-2013 u massimu ta’ 5,913-il vot għall-PL fl-2013 ukoll.

Għal darb’oħra, bħal Ħaż-Żabbar, peress li l-elezzjoni lokali tal-2013 saret ma’ elezzjoni ġenerali hemm possibilità li l-ammont ta’ votanti li jivvutaw f’Mejju jkun inqas u allura wieħed mill-partiti jew it-tnejn li huma jnaqqsu fil-voti.

Il-Kalkara

Fir-raħal tal-Kalkara, id-distakk kiber ukoll minn 581 vot favur il-Partit Laburista fl-2006 għal 843 vot favur il-PL fl-2013.

Kemm il-PN u anke l-PL żiedu l-voti, bil-PN jilħaq massimu ta’ 680 fl-2013 u minimu ta’ 505 fl-2006 u l-PL jilħaq massimu ta’ 1,529 fl-2013 u minimu ta’ 1,086 fl-2006

Għal darb’oħra, bħal Ħaż-Żabbar u l-Fgura, peress li l-elezzjoni lokali tal-2013 saret ma’ elezzjoni ġenerali hemm possibilità li l-ammont ta’ votanti li jivvutaw f’Mejju jkun inqas u allura wieħed mill-partiti jew it-tnejn li huma jnaqqsu fil-voti.

Ix-Xgħajra

Ix-Xgħajra hija waħda mill-iżgħar lokalitajiet fil-pajjiż u fortizza Laburista.

Fl-2006, bl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali biss, il-PN ġab biss 116-il vot filwaqt li l-PL ġab 563 vot.

Fl-2009, il-Labour żied 120 vot u kiseb 681 vot filwaqt li fl-2013 reġa’ żied 247 vot u kiseb 928 vot.

Il-PN, fl-2009 żied b’79 vot biex ġab total ta’ 195 vot u baqa’ fl-istess pożizzjoni fl-2013 (192 vot).

B’numru żgħir ta’ voti s-sitwazzjoni mhux mistennija tinbidel wisq hawnhekk sakemm ma jkunx hemm xi forma ta’ vot ta’ protesta fuq pjanijiet li għalissa huma biss fl-arja ta’ reklamazzjoni tal-art.

Il-lokalità mistennija żżomm il-maġġoranza kbira Laburista li għandha.

More in Politika