‘Il-ġenituri ta’ persuna b’diżabilità għandhom bżonn jistrieħu wkoll’

Dar il-Kaptan fl-Imtarfa toffri servizz ta’ għajnuna għall-mistrieħ lill-ġenituri ta’ persuni b’diżabilità jew lil dawk li jieħdu ħsiebhom għax temmen li anke huma għandhom bżonn jistrieħu. L-ILLUM iżżur din id-dar u tmiss b’idha x-xogħol siewi li twettaq

L-ambjent sabiħ li jdawwar Dar il-Kaptan
L-ambjent sabiħ li jdawwar Dar il-Kaptan

“Il-ġenituri ta’ persuni b’diżabilità għandhom ukoll ikollhom il-ħin ta’ mistrieħ tagħhom. Hawn l-għajnuna, fittxuha u ħuduha.” Dan kien kliem Martin Saliba, li mhuwiex biss iċ-Chairperson ta’ Dar il-Kaptan fl-Imtarfa iżda wkoll ġenitur ta’ persuna b’diżabilità li gawda mis-servizz li toffri din id-dar.

Forsi mhux kulħadd sema b’Dar il-Kaptan u kien dan li wassal lill-gazzetta ILLUM biex iżżur din id-dar u tara b’għajnejha x-xogħol siewi li jsir fiha. Tilqgħek mhux biss l-indafa iżda anke l-ambjent sabiħ li hija mdawra bih.

Tkellimna ma’ Martin Saliba u anke ma’ Frida Mangion, Acting Administrator, li spjegaw kif l-għan ta’ Dar il-Kaptan huwa li toffri ħin ta’ mistrieħ lill-ġenituri jew qraba ta’ persuni b’diżabilità bl-għan li dawn jibqgħu jifilħu jieħdu ħsieb lill-persuni b’diżabilità fil-komunitajiet li fihom trabbew.

Martin Saliba spjega kif aktar minn 25 sena ilu, meta nfetħet Dar il-Kaptan, dan is-servizz ta’ għajnuna għall-mistrieħ kien nieqes u kienu l-ġenituri stess ta’ persuni b’diżabilità li xtaqu li jkun introdott dan is-servizz anke f’Malta.

Fil-fatt din id-dar hija mmexxija mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Respite Care li l-maġġoranza tal-membri tagħha huma ġenituri ta’ tfal b’diżabilità. Għalhekk, fi kliem Saliba, din id-dar hija mmexxija minn ġenituri ta’ persuni b’diżabiltà stess.

Illum, il-ġurnata Dar il-Kaptan għandha 250 membru u l-persuni b’diżabilità huma mqassma f’sitt gruppi, li jfisser li kull sitt ġimgħat il-ġenitur, jew dawk li jieħdu ħsiebhom, ikunu jistgħu jgawdu mis-servizz ta’ din id-dar, anke jekk fi kliem Frida Mangion, Dar il-Kaptan hija flessibbli u tipprova kemm jista’ jkun tgħin kull meta persuna jkollha bżonn.

Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ servizzi oħra, l-istruttura f’Dar il-Kaptan mhijiex fissa, fejn għandek grupp ta’ persuni b’diżabilità li huma residenti. Dar il-Kaptan toffri żewġ servizzi: servizz ta’ matul il-ġurnata, fejn persuna b’diżabilità tkun tista’ tattendi u tirritorna d-dar filgħaxija, u anke servizz residenzjali, fejn persuna b’diżabilità tkun tista’ tqatta’ lejl, jiem jew ġimgħa f’din id-dar.

“Wieħed jutilizza s-servizz skont il-bżonnijiet tiegħu. Hemm min għandu bżonn lejl, hemm min għandu bżonn ġranet, hemm min ikollu bżonn is-servizz fis-sajf biss,” kompliet tgħidilna Mangion waqt li spjegat li joffru wkoll għajnuna f’każijet ta’ emerġenza.

Frida Mangion (Acting Administrator) u Martin Saliba (Chairperson)
Frida Mangion (Acting Administrator) u Martin Saliba (Chairperson)

‘Għall-bidu mhux faċli tafda lil uliedek f’idejn ħaddieħor…’

Dan kollu jagħmilha faċli għall-ġenituri jew dawk li jrabbu persuni b’diżabilità biex anke huma jkollhom ħin għalihom, jaħdmu, imorru għal appuntamenti u jkollhom ħin ta’ mistrieħ li huwa importanti wkoll.

“Jien nista’ nkellmek bħala ġenitur ta’ persuna b’diżabilità. Inkun sinċier. It-tfal tagħna jiddependu ħafna minna…tidħol f’rutina u lanqas tkun taf. Anke jekk se nsiefer u miegħi se nieħu t-tifel, mhux bilfors se jfisser mistrieħ għax hemm ħafna sfidi,” kompla jgħidilna Martin Saliba.

Miegħu bħala ġenitur tkellimna dwar il-fatt li ġenituri ta’ persuni b’diżabilità mhux dejjem jafdaw li jitilqu lit-tfal tagħhom.

“Biex inkun sinċier, għall-bidu mhux faċli tħalli t-tifel jew t-tifla tiegħek f’idejn ħaddieħor…iżda nemmen li anke għall-ġid tat-tfal huwa importanti li tasal biex tafda,” kompla jgħidilna ċ-Chairperson. “Ir-realtà hi li aħna bħala ġenituri mhux se nibqgħu hawn għal dejjem. Il-fatt li qed trawwem lit-tifel jew lit-tifla tiegħek biex jgħixu u jitħalltu ma’ persuni oħra, huwa ta’ benefiċċju għalihom ukoll. Xi darba jien se niġi nieqes. Ix-xokk li ibni jista’ jieħu dakinhar, nista’ ntaffihulu.”

Fil-fatt, Frida Mangion spjegat kif Dar il-Kaptan tgħin ukoll lill-ġenituri u lill-qraba biex ikunu lesti jafdaw lit-tfal tagħhom f’idejn ħaddieħor, waqt li semmiet każ partikolari ta’ anzjana li kienet interessata fis-servizz iżda ma kinitx għadha lesta tafda lit-tifla f’idejn ħaddieħor.

“Importanti li ġenituri jagħmlu użu mis-servizzi ta’ għajnuna għall-mistrieħ minn meta l-persuna b’diżabilità tkun għadha żgħira,” qaltilna Mangion.

Dar il-Kaptan toffri għadd ta’ faċilitajiet għal persuni b’diżabilità
Dar il-Kaptan toffri għadd ta’ faċilitajiet għal persuni b’diżabilità

‘Dar il-Kaptan toffri servizz speċjalizzat għal kull persuna'

Ma’ Frida Mangion, komplejna nitkellmu dwar il-ħidma f’Dar il-Kaptan. B’kollox 40 persuna jaħdmu bla waqfien biex joffru l-aqwa esperjenza lill-persuni li jibbenefikaw minn dan is-servizz.

Waħda mill-isfidi, li l-ħaddiema jidħlu għaliha b’ruħhom u ġisimhom huwa l-fatt li jridu jaddattaw minn ġurnata għall-oħra għall-bżonnijiet tal-persuni b’diżabilità, għax tista’ tgħid li dawn kuljum qed jiltaqgħu ma’ persuni differenti li kollha għandhom il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom.

Anke sempliċiment iż-żewġ koki, spjegatilna Mangion, iridu jkunu kontinwament aġġornati għax mhux sempliċiment isajru borma waħda għal kulħadd, iżda jippreparaw ikel bnin skont il-bżonnijiet ta’ kull persuna u dan minn filgħodu sa filgħaxija.

‘Is-servizz tagħna rridu li jkun ħolistiku…’

Is-servizz huwa offrut lil kull persuna b’diżabilità rrispettivament mill-kundizzjoni tiegħu jew tagħha jew inkella s-sitwazzjoni finanzjarja tal-familja. Persuna li tixtieq tgawdi minn dan is-servizz, tista’ sempliċiment iċċempel Dar il-Kaptan. Minn hemm ħaddiema soċjali jaraw il-każ u jiġbru kemm jista’ jkun informazzjoni, qabel persuna tingħata ċans tipprova s-servizz. Minn hemm persuna tkun tista’ ssir membru u tkun assenjata grupp.

Apparti diversi faċilitajiet lill-persuni b’diżabilità, fosthom multi-sensory room, pool, gym u ġonna, Dar il-Kaptan tipprovdi wkoll diversi servizzi speċjalizzati.

“Aħna pereżempju ma nemmnux li għandna naħslu persuna fuq is-sodda. Ġenituri anzjani ma jkunux jifilħu jaħslu lil uliedhom b’diżabilità severa fil-banju. Allura aħna għandna l-apparat apposta biex nassiguraw li meta jiġu hawn naħsluhom kif għandu jkun.” Fi kliem Mangion, dan ukoll jagħti aktar dinjità lill-persuna b’diżabilità.

“Is-servizz tagħna rridu li jkun ħolistiku. Ma nkunux kuntent li l-ġenituri ħallew lit-tfal hawn u huma strieħu,” kompliet tgħidilna u kien għalhekk li Dar il-Kaptan torganizza diversi attivitajiet matul il-ġurnata, fosthom anke ħruġ għal dawn il-persuni.

“Xi kultant affarijiet żgħar huma d-dinja għall-klijenti tagħha. Xi drabi fid-djar, il-ġenituri u l-qraba jkunu għajjiena u l-ħruġ jarawh żejjed. Il-kummenti sbieħ mingħand il-ġenituri jagħtuna l-kuraġġ,” kompliet tgħidilna, Mangion.

Kumpanija toffri li tħallas paga ta’ sena ta’ impjegat ta’ Dar il-Kaptan

Ovvjament dan kollu jiswa l-flus. Iċ-Chairperson spjega kif kull sena, Dar il-Kaptan tinvesti madwar €750,000 fis-servizzi tagħha. Saħaq ukoll kif fl-aħħar snin daħlu f’Service Agreement mal-Gvern biex tkun koperta parti minn din l-ispiża.

Anke jekk il-klijenti jħallsu, is-servizz huwa ssussidjat biex kemm jista’ jkun ikun affordabbli, fejn il-Fondazzjoni saħansitra tgħin lil dawk il-familji li ma jkunux jifilħu jħallsu.

Terz tal-ispejjeż jitħallsu mill-attivitajiet li jorganizzaw u anke minn donazzjonijiet u sponsorships, fosthom mir-Rotary Club Malta li ilu snin jgħin lil din id-dar.

Mangion semmitilna wkoll kif il-kumpanija Technoclean ħarġet bl-idea li tħallas il-paga ta’ housekeeper full-time għal sena sħiħa.

“Għalina din kienet xi ħaġa kbira u tgħinna ħafna,” qaltilna Mangion. “Il-ġenerożità dejjem laqtitni kemm ilni f’dan ix-xogħol.

Jekk tixtieq tibbenefika minn dan is-servizz jew tixtieq tgħin lil Dar il-Kaptan, tista’ ċċempel fuq 21450103/4 jew 27450103. Tista’ tibgħat email fuq: [email protected]

More in Politika