L-MUT titlob għat-tneħħija tan-numerus clausus minn fuq korsijiet tal-għalliema

L-MUT tgħid illi ż-żieda fin-numru ta' studenti barranin u r-riformi fost oħrajn, qed iżidu l-bżonn ta' żieda fin-numru ta' għalliema

L-MUT qed terġa’ tqajjem għarfien dwar il-ħtieġa li tiġi ndirizzata s-sitwazzjoni ta’ dik li qed issejjaħ "kriżi li għandna fil-professjoni fejn il-ħtieġa ta’ edukaturi fil-qasam edukattiv qed tkompli tikber minħabba diversi raġunijiet."  Huma qalu illi din il-ħtieġa ġejja l-aktar minn żieda fil-popolazzjoni ta’ studenti fl-iskejjel minħabba studenti barranin, il-bżonn ta’ żieda fis-servizzi li jgħinu studenti li għandhom abilitajiet varji inkluż fil-litteriżmu u l-inklużjoni; iż-żieda fin-numru ta’ suġġetti, li tinkludi l-introduzzjoni ta’ 13 il-suġġett applikat mis-sena d-dieħlau r-riformi .

"Għalkemm l-MUT ilha tisħaq li mhux ser ikollna edukaturi biżżejjed sabiex jilqgħu għal dawn il-ħtiġijiet, sal-lum huma ftit wisq il-miżuri sabiex din is-sitwazzjoni tiġi ndirizzata. L-MUT sostniet li ilha x-xhur issawwar sensiela ta’ proposti li jistgħu jibdew jindirizzaw is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ edukaturi. Dawn huma xi wħud mill-proposti li l-MUT ser tkun qed tippreżenta lill-Ministeru tal-Edukazzjoni waqt laqgħa li ntalbet mill-istess Union u li ser issir fil-jiem li ġejjin:
 

  1. Kampanji: L-MUT qed tipproponi kampanji ta’ għarfien dwar korsijiet li jwasslu għall-professjoni kif ukoll kampanji ta’ għarfien dwar is-sejħiet għall-ingaġġ li jinħarġu.
  1. Studenti: L-MUT qed tipproponi inċentivi għal studenti li jagħżlu korsijiet li jwasslu għall-professjoni, li jinkludu titjib fl-istipendji u inċentivi fiskali.
  1. Korsijiet: L-MUT qed tipproponi li titneħħa n-numerus clausus f’korsijiet li jwasslu għall-professjoni u li l-korsijiet isiru wkoll filghaxija.
  1. Kundizzjonijiet tax-xogħol: L-MUT qed tipproponi awditjar estern sabiex jistabillixxi liema fatturi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol qed iwasslu sabiex edukaturi iħallu l-professjoni.
  1. Ingaġġ: L-MUT qed tipproponi li jiġu inċentivati edukaturi li għalkemm ikunu laħħqu l-età tal-irtirar, ikunu jridu jibqgħu jagħtu servizz, filwaqt li edukaturi li jkunu qabżu l-età statutorja tal-irtirar ma jiġux sfruttati b’paga inqas minn kemm kienu jirċievu qabel l-irtirar.
  1. Protezzjoni: L-MUT qed tipproponi wkoll l-introduzzjoni ta’ indemnity insurance għall-edukaturi kollha bħala waħda mill-miżuri sabiex edukaturi jħossuhom aktar protetti waqt il-ħidma tagħhom.

Għaldaqstant il-Union ser tkun qed tippreżenta dawn il-proposti lill-Ministeru. 

 

 

More in Politika