Il-Parlament Ewropew qed jinsisti li l-Gvern Malti jagħmel numru ta’ bidliet importanti f’dak li għandu x’jaqsam mas-saltna tad-dritt u l-protezzjoni tal-ġurnalisti, u biex dawn isiru issa. Fi stqarrija wara li l-mozzjoni ta' kundanna għal Malta u l-Islovakkja għaddiet b'398 vot favur u 85 biss kontra, l-MEPs Nazzjonalisti Maltin, li vvutaw favur, qalu illi dak li qed jagħmlu huma huwa biex jiddefendu lill-Malta u l-valuri Ewropej.
"Inkunu qed nonqsu minn dmirna jekk ngħalqu għajnejna, waqt li l-istituzzjonijiet qed jinħatfu politikament biex jipproteġu politiċi korrotti, ta’ detriment għall-poplu. Dejjem għandna nkunu kontra l-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter," sostna l-MEP David Casa.
Minn naħa tagħha l-MEP Roberta Metsola sostniet li din ir-riżoluzzjoni tipproteġi l-valuri Maltin u tipproteġi l-valuri Ewropej. "Din ir-riżoluzzjoni hi bażata fuq l-istess valuri li għandna għal qalbna, u tipprovdi qafas ta’ x’għandu jsir u kif għandhom isiru l-affarijiet.”
L-MEP Francis Zammit Dimech sostna li permezz ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament Ewropew "qed jerġa’ jinsisti mal-Gvern Malti biex jagħmel il-bidliet neċessarji biex jissalvagwardja s-saltna tad-dritt f’pajjiżna u jipproteġu lill-ġurnalisti li huma kruċjali biex iżommu lin-nies infurmati dwar dak li għandhom dritt ikunu jafu."
Ir-riżoluzzjoni titlob lill-Gvern biex jassigura li ssir inkjesta pubblika fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, jara li l-imħuħ wara dan il-qtil ikunu identifikati u ssir il-ġustizzja, jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni Venezja, jtemm il-kampanja ta’ mibegħda kontra l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, jippubblika r-rapport sħiħ tal-Inkjesta Maġisterjali ta’ Aaron Bugeja, jibda investigazzjoni dwar il-Panama Papers, u r-rabta bejn 17 Black u Keith Schembri u Konrad Mizzi u jieqaf ibigħ il-passaporti.