Ir-rapport Greco dwar Malta qed jipproponi li l-persuni ta’ fiduċja impjegati direttament mill-Ministri (Persons of Trust) jibdew jiddikjaraw l-assi tagħhom ukoll, xi ħaġa li bħalissa jagħmluha biss id-Deputati Parlamentari.
F’kummenti ma’ din il-gazzetta, Owen Bonnici ma jurix wisq entużjażmu għal din il-proposta u għalkemm jgħid li hija “importanti” jinsisti wkoll li mhix “prijorità”.
Dikjarazzjoni tal-assi ssir biex tkun aċċertata t-trasparenza u jkunu evitati, kemm jista’ jkun, każi ta’ kunflitt ta’ interess. Dan il-proċess, persuni fdati u qrib ħafna ta’ Ministru, ma jgħaddux minnu u allura jibqa’ jkun hemm ‘tieqa’ miftuħa għall-abbuż.
Din il-gazzetta staqsiet lil Bonnici jekk il-Gvern huwiex qed jippjana li jintroduċi din il-proposta, b’Bonnici jgħid li l-Gvern “se jevalwa kull waħda mit-23 suġġeriment tar-rapport. Nistudjawhom u nanalizzawhom bir-reqqa, kif wara kollox il-Greco stess tagħtina parir nagħmlu. U dan nagħmluh biex inkomplu nimplimentaw il-bidliet għall-avvanz ta’ Malta.”
Ifakkar illi l-Greco għandha mekkaniżmu illi permezz tiegħu tkun tista’ ssegwi liema proposti kienu attwati mill-pajjiż u liema ma kinux. “Pereżempju dan huwa l-ħames rapport, ir-raba’ kien ikkritika l-fatt li ma kellniex Att dwar l-Finanzjament tal-Partiti. Issa dan aħna bħala Gvern wettaqnieh.”
Il-gazzetta tistaqsi lil Bonnici jekk il-Gvern eventwalment hux se jgħid ma’ liema proposti tal-aħħar rapport tal-Greco jaqbel.
“Hemm prijorità ewlenija u din mhix il-proposta dwar il-Persons of Trust,” sostna l-Ministru Bonnici li kompla jgħid li bħalissa l-prijorità hija l-metodu tal-ħatra tal-ġudikanti, kif ukoll l-irwol tal-Avukat Ġenerali.
Dwar l-irwol tal-Avukat Ġenerali l-Gvern diġà ħabbar li se jkun qed inaqqas il-poteri tiegħu biex dan ma jibqax Prosekutur Ġenerali.