'Ma għamlu xejn li jippreġudika l-ħidma tal-PN kontra l-korruzzjoni' - Delia
Dan wara li lbieraħ kien irrappurtat kif Kristy Debono u Hermann Schiavone ltaqgħu mas-sid tal-kumpanija 17 Black
More in Politika
Dan wara li lbieraħ kien irrappurtat kif Kristy Debono u Hermann Schiavone ltaqgħu mas-sid tal-kumpanija 17 Black
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li la Kristy Debono u lanqas Hermann Schiavone, ma għamlu xejn ħażin u li jippreġudika l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista kontra l-koruzzjoni.
Delia kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara li lbieraħ il-ġurnal The Sunday Times of Malta rrappurtat kif id-Deputati Kristy Debono u anke Hermann Schiavone ltaqgħu ma' Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black, bil-għan li jagħtihom sponsorship għal kamra żgħira tal-konferenzi.
Mistoqsi jekk jaqbilx li dawn iż-żewġ Deputati ltaqgħu ma' Fenech, anke bħala l-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba, il-Kap Nazzjonalista dar mal-mistoqsija u saħaq li l-governanza tajba tfisser li persuna tagħmel dak kollu li huwa tajjeb u tieħu d-deċiżjonijiet ġusti meta tkun f'pożizzjoni ta' poter.
Delia ma kienx jaf li ltaqgħu ma' Yorgen Fenech
"L-aktar ħaġa importanti mhux jekk ma marrux jew le iżda li ma għamlu xejn ħażin li jippreġudika l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista," insista Delia li saħaq ukoll ma kienx jaf li saret din il-laqgħa.
Minkejja dan, Adrian Delia qal li se jkun qiegħed jiltaqa' maż-żewġ Deputati li huma wkoll fost l-aktar persuni viċin tiegħu.
Min hu Yorgen Fenech?
Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black u li skont dak li kien żvelat mill-Proġett Daphne, din il-kumpanija kienet waħda minn żewġ kumpaniji li kellhom iħallsu $2 miljun lill-kumpaniji li ċ-Chief of Staff f'Kastilja Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi kienu fetħu fil-Panama.
Fenech huwa wkoll wieħed mid-diretturi tal-konsorzju li kien rebaħ il-kuntratt għall-bini tal-Power Station ta' Delimara, fi żmien li Konrad Mizzi kien Ministru għall-Enerġija.