'Mur staqsi lill-kap tiegħek'... Bonnici jwieġeb lil Azzopardi quddiem sala MEPs
Jason Azzopardi jistaqsi lil Owen Bonnici dwar il-fatt li hu kien sejjaħ lil Daphne 'hate blogger' ftit xhur qabel din inqatlet
minn Yendrick Cioffi
Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici talab lill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi biex jistaqsi lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, għalfejn kien iddeskriva lil Daphne Caruana Galizia bħala “biċċa blogger.”
Dalgħodu, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE), kienet qed tiddiskuti l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u anke l-bżonn ta’ bidliet Kostituzzjonali f’Malta, bil-kelliem tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi jagħmel lista ta’ mistoqsijiet lil Ministru Bonnici.
Fost dawn, Azzopardi staqsa lill-Ministru Bonnici x’jaħseb dwar il-fatt li ftit xhur qabel il-qtil ta’ Caruana Galizia huwa kien iddiskriviha bħala “hate blogger.” Fi kliem Azzopardi, dan kompla żied mal-atmosfera ta’ mibegħda li waslet għall-qtil ta’ Caruana Galizia.
Kien hawn li l-Ministru Bonnici wieġbu li hu jibqa’ ma jaqbilx mal-istil tal-kitba ta’ Daphne Caruana Galizia iżda dan ma jfissirx li jaqbel mal-qtil tagħha.
Fakkru li Adrian Delia kien iddeskriviha bħala “biċċa blogger,” u talbu biex jagħmel din il-mistoqsija lilu.
'Dwar kull allegazzjoni għaddejja inkjesta'
Dwar il-fatt li Brian Tonna ta’ Nexia BT, kien konsulent tiegħu, il-Ministru Bonnici fakkar lil Jason Azzopardi li minn wara l-aħħar elezzjoni ġenerali, Brian Tonna ma għadux konsulent tiegħu.
Jason Azzopardi staqsih ukoll dwar il-fatt li minkejja li ċ-Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi nqabdu b’kumpaniji fil-Panama biex fi kliemu fihom jirċievu tixħim, fosthom mill-proġett tal-Power Station il-ġdida, dawn baqgħu qatt ma rriżenjaw jew intalbu jagħmlu dan.
Dwar dan, il-Ministru Owen Bonnici assigura lil dawk kollha preżenti li kull allegazzjoni li saret qed tkun investigata minn Maġistrat u fakkar, fost oħrajn, fl-inkjesta Egrant li kkonkludiet li ma hemm xejn x'jorbot lill-Prim Ministru jew xi ħadd mill-familja tiegħu ma' din it-tielet kumpanija fil-Panama.
'Ir-rapport Egrant kien kategoriku fil-konklużjonijiet'
Madanakollu, Ewroparlamentari oħra, inkluż Pieter Omtzigt, ir-rapporteur speċjali tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) dwar il-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, insista li r-rapport Egrant għadu ma ġiex ippubblikat kollu u minflok ġie ppubblikat biss sommarju.
Il-Ministru Bonnici reġa’ fakkru li l-konklużjonijiet prinċipali ta’ din l-inkjesta ġew ippubblikati u kienu kategoriċi, jiġifieri li xi ħadd iffalsifika dokumenti u li l-kumpanija la hi tal-Prim Ministru u lanqas ta’ martu.
'Għadni ma nistax nifhem għalfejn il-laptop spiċċa l-Ġermanja'
Aktar Ewroparlamentari staqsew lill-Ministru Bonnici dwar il-laptop ta’ Daphne Caruana Galizia u jekk l-awtoritajiet Maltin talbux informazzjoni lill-awtoritajiet Ġermaniżi, liema informazzjoni setgħet kienet importanti.
Il-Ministru Owen Bonnici wieġeb li hu għadu ma jistax jifhem kif dan il-laptop spiċċa l-Ġermanja u insista li mhuwiex kompitu tiegħu li jistaqsi għal informazzjoni, iżda huma l-awtoritajiet investigattivi li għandhom dan il-kompitu.
'Mhu qed inwaqqfu lil ħadd milli jpoġġi fjuri u xemgħat'
Kien mistoqsi wkoll dwar il-fjuri u x-xemgħat fuq il-Monument tal-Assedju, b’Pieter Omtzigt jistaqsih għalfejn qed jordna li dawn jitneħħew meta dawn qed juru s-sentiment pubbliku.
Il-Ministru Bonnici tkellem fit-tul dwar l-importanza ta’ dan il-monument u insista li l-fjuri u x-xemgħat kienu qed jagħmlulu l-ħsara.
Madanakollu huwa saħaq li l-Gvern mhu qed jostakola lil ħadd milli jorganizza vġejjel quddiem il-monument u lin-nies milli jpoġġu l-fjuri u x-xemgħat, iżda saħaq li dawn jitneħħew malli tispiċċa l-vġili, l-istess kif fi kliemu jiġri fi bliet oħra Ewropej.
Mal-Ministru Bonnici, kien hemm preżenti wkoll l-Avukat Ġenerali Peter Grech li madanakollu ma laħaqx wieġeb il-mistoqsijiet li sarulu u ntalab jagħmel dan bil-miktub.