Iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Ilma fir-Rabat jirbaħ il-premju ta' sostenibbilità

'Nifraħ lill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma u l-istaff taċ-Ċentru Għajn għall-ħidma u l-isforzi tagħhom li kienu essenzjali biex iċ-ċentru jkun jista’ jikseb dan l-unur' - Joe Mizzi

Ritratt: MEW
Ritratt: MEW

Iċ-ċentru nazzjonali għall-konservazzjoni tal-ilma, iċ-Ċentru Għajn fir-Rabat, immexxi mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, rebaħ il-premju prestiġjuż tas-sostenibbiltà organizzat mill-Kummissjoni Ewropea—il-‘European Sustainability Award’ għall-2019. Dan il-premju ngħata matul il-konferenza ‘Sustainability Europe 2030 – From Goals to Delivery’ li ġiet organizzata fi Brussell miċ-Ċentru ta’ Strateġija Ewropea tal-KE għall-isforzi taċ-ċentru sabiex joħloq kuxjenza dwar l-isfidi li l-qasam tal-ilma fil-gżejjer Maltin qed jaffaċċja, kif ukoll għall-metodi innovattivi u inklussivi użati.

“Huwa ta’ unur għalija li bħala l-ministru responsabbli mill-enerġija u l-immaniġġjar tal-ilma, nħabbar dan il-premju prestiġjuż. Nifraħ lill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma u l-istaff taċ-Ċentru Għajn għall-ħidma u l-isforzi tagħhom li kienu essenzjali biex iċ-ċentru jkun jista’ jikseb dan l-unur importanti fuq livell Ewropew”, qal il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi.

Iċ-Ċentru Għajn rebaħ dan l-unur Ewropew fis-sezzjoni tal-entitajiet pubbliċi. Ta’ din is-sena kienet l-ewwel edizzjoni tal-unuri, bit-tema magħżula ta’ ‘Empowering People and Ensuring Inclusiveness and Equality’.

Dan il-premju jingħata lil dawk il-proġetti u inizjattivi li jiffukaw l-isforzi tagħhhom sabiex jittrasformaw is-Sustainable Development Goals f’azzjonijiet u opportunitajiet konkreti. Fil-fatt, iċ-ċentru jindirizza 10 mis-17-il għan li jiffurmaw parti mill-inizjattiva tan-Nazzjonijiet Uniti, ‘2030 Agenda for Sustainable Development’.

Sa mill-ftuħ tiegħu lura f’April tal-2017, iċ-ċentru ta merħba lil kważi 6,000 viżitatur li minnhom, 2,500 kienu tfal li attendew mal-iskola tagħhom bħala ħarġa edukattiva, bl-udjenza fil-mira tkun primarjament l-istudenti tal-iskejjel primarji u sekondarji. Iċ-ċentru ta’ kuljum jorganizza żjarat għall-iskejjel tul ix-xhur tax-xitwa, waqt li jilqa’ wkoll mijiet ta’ studenti ta’ SkolaSajf matul ix-xhur sajfin. Il-logħob edukattiv u interrativ li ġie ddisinjat speċifikament għaċ-ċentru jinkorpora fih temi li jikkorrispondu għal dawk li jiġu mgħallma fl-iskejjel, bħala parti mill-Kurrikulu Nazzjonali. Għaldaqstant, dawn iż-żjarat isaħħu dak li jkun qed jiġi mgħallem fl-edukazzjoni formali, iżda b’mod informali. Fl-istess waqt, permezz tal-għajnuna tal-‘LIFE-RBMP Malta Project’, l-iskejjel jiġu provduti bi trasport b’xejn minn u lejn iċ-ċentru, u b’hekk iż-żjara tkun kompletament b’xejn u aċċessibbli għall-istudenti kollha.

Iċ-Ċentru Għajn jilqa’ wkoll għadd ta’ gruppi oħra li jvarjaw minn għaqdiet taż-żgħażagħ, NGOs u għaqdiet tal-anzjani li wkoll kellhom l-opportunità li jirċievu l-messaġġ ta’ konservazzjoni tal-ilma li jrid iwassal iċ-ċentru.

Sabiex jiġi ċċelebrat dan l-unur, se tiġi organizzata open week fiċ-ċentru bejn l-24 u t-28 ta’ April. Iktar dettalji jinsabu fuq www.energywateragency.gov.mt/ghajn.

More in Politika