Hermann Schiavone jissospendi lilu nnifsu mill-Grupp Parlamentari tal-PN
- Schiavone jispjega kif hu kien organizza laqgħa ma' direttur ieħor ta' Tumas Group u fl-aħħar ħin kien riferut lil Yorgen Fenech
- Jinsisti li d-Deputata Kristy Debono ma kinitx taf b'dan it-tibdil
- Se jżomm postu fil-Parlament sakemm il-partit jinvestigah
minn Yendrick Cioffi
Id-Deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone għadu kemm issospenda lilu nnifsu mill-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia aċċetta din is-sospenzjoni.
Fl-ittra tiegħu lill-Kap Nazzjonalista, Hermann Shiavone jispjega li qiegħed jagħmel dan il-pass wara l-kontroversja li nqalgħet fuq il-fatt li hu u d-Deputata Kristy Debono kellhom laqgħa ma' Yorgen Fenech li huwa sid tal-kumpanija 17 Black.
Shiavone jgħid li Kristy Debono ma kinitx taf
F'din l-ittra, Hermann Schiavone jispjega kif hu oriġinarjament organizza laqgħa ma' direttur ieħor ta' Tumas Group iżda kompla jispjega li fl-aħħar ħinijiet kien riferut għal għand Yorgen Fenech.
Minkejja naf li ma għamilt xejn ħażin, inħoss li jiena għandi nerfa' r-responsabbilità tan-nuqqas ta' attenzjoni tiegħi Hermann Schiavone
Kien hawn li huwa saħaq li d-Deputata Kristy Debono, li akkumpanjatu, ma kinitx mgħarrfa bit-tibdil tal-appuntament li sar fl-aħħar ħinijiet u għaldaqstant, fi kliemu, qed tiffaċċja kritika inġusta.
Huwa kompla jispjega li l-laqgħa kienet dwar konferenza politika "fuq bażi non-profit" li għaliha kien qiegħed ifittex sala tal-konferenzi bla ħlas.
"Waqt il-laqgħa qasira li kellna mas-Sur Fenech ġiet diskussa l-konferenza biss u xejn iżjed. Kollox sar fid-dawl tax-xemx u mingħajr ħabi ta' xejn," saħaq Schiavone. "Minkejja naf li ma għamilt xejn ħażin, inħoss li jiena għandi nerfa' r-responsabbilità tan-nuqqas ta' attenzjoni tiegħi. Inħoss ukoll li l-kontroversja li tqajmet qed ittellef llilek u lill-Partit tagħna milli jkompli jagħmel il-ġlieda tiegħu għas-sewwa b'serenità u effettività.
Se jżomm postu fil-Parlament sakemm il-partit jinvestigah
Schiavone mhux se jkun qed jirriżenja minn Deputat Parlamentari iżda se jkun qiegħed iżomm is-siġġu tiegħu bħala Deputat indipendenti u dan sakemm il-partit jinvestiga l-aġir tiegħu.
Fil-fatt, kien Schiavone stess li fl-ittra tiegħu talab lill-Partit biex jaħtar bord biex jinvestiga l-aġir tiegħu.
"Dejjem emmnint li l-Partit hu akbar minn kull individwu, kif dejjem emmint ukoll li fil-politika rridu mhux biss nagħmlu dak li hu sewwa imma nidhru wkoll li qed nagħmluh," kiteb Schiavone waqt li assigura lil Adrian Delia li għalkemm mhux se jkun qed jifforma parti mill-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, xorta waħda se jkun qiegħed jimxi mal-linja tal-partit.
'Sospensjoni taparsi biex tipprova tinħeba l-firda fil-PN' - PL
Intant, b'reazzjoni, il-Partit Laburista saħaq li bit-tmexxija ta’ Delia, il-Partit Nazzjonalista hu partit maqsum iktar minn qatt qabel.
"Partit li spiċċa jieħu azzjonijiet finta bil-għan li jipprova jaħbi l-inkwiet intern li mhu jieqaf xejn," qal il-Partit Laburista fi stqarrija.
Skont il-Partit Laburista, il-Partit Nazzjonalista spiċċa maqsum bejn klikka li tattakka dak kollu li ġej min-naħa tal-Kap u fuq in-naħa l-oħra klikka li skont il-PL qed tivvinta l-iskużi u taġixxi b’mod ‘fake’ biex tipprova ssalva lill-Kap.
"Għalhekk saret din is-sospensjoni taparsi minn wieħed minn tnejn min-nies li għamlu l-istess ħaġa flimkien u li fuq kollox kien ilu diversi jiem jiddefendiha u jattakka lil min ikkritikaha," kompliet l-istqarrija. "B’hekk hu ċar li l-ftehim hu li din is-sospensjoni tintuża biss għalissa biex id-deputati tal-PN ma jibqgħux jitgħajjru fil-miftuħ ġimgħat qabel appuntament elettorali."