Grupp ta’ tobba f’Malta, bl-isem ta' Doctors for Choice, ingħaqdu flimkien biex jibdew kampanja favur l-abort.
Fi stqarrija, it-tobba, li għadhom mhumiex magħrufa, saħqu li n-nisa għandhom ikollhom l-għażla li jwettqu abort li jkun legali u sigur għalihom.
Huma saħqu li ma jistgħux jifhmu u huma inkwetati dwar il-fatt li preżentament f’Malta, in-nisa ma jistgħux jirrikorru għall-abort, lanqas meta t-tqala tkun ta’ dannu għas-saħħa fiżika u mentali tagħhom.
L-istess tobba saħqu wkoll li kull organizzazzjoni internazzjonali ta’ reputazzjoni, fosthom l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa u Royal College of Obstetricians & Gynaecologists, jaqblu li n-nisa jkollhom aċċess għal abort sigur u legali.
Insistew li f’pajjiż bħal Malta, fejn l-abort huma illegali taħt kull ċirkostanza, l-abort sigur isir il-privileġġ tas-sinjuri, filwaqt li l-bqija jkollhom jirrikorru għal abort riskjuż minn persuni mhux ikkwalifikati.
It-tobba se jkunu qed jibdew kampanja ta’ informazzjoni, flimkien ma’ Voice for Choice - L-Għażla Tagħha biex jaqbeż għad-dritt tal-għażla għall-abort f’Malta.