‘Kont iffirmajt ittra kontra l-pushback … illum qed tbeżża’ bil-barranin’
Fl-ewwel dibattitu politiku Joseph Muscat ifakkar lil Adrian Delia li fl-2013 hu kien wieħed mill-avukati li kien iffirma ittra kontra l-pushback li bih Muscat kien qed jhedded lill-UE
minn Yendrick Cioffi
Il-Prim Ministru Joseph Muscat fakkar lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li hu kien wieħed minn grupp ta’ avukati li kien iffirma ittra kontra d-deċiżjoni tiegħu meta kien qed jhedded lill-Unjoni Ewropea b’pushback ta’ grupp ta’ immigranti, lura fl-2013, bl-għan li Malta ma tibqax terfa’ l-piż tal-immigrazzjoni waħedha.
Il-Prim Ministru uża dan l-argument biex jakkuża lill-Kap tal-Oppożizzjoni li huwa inkonsistenti, għax fi kliemu, “illum qed ibeżża’ bil-barranin.”
It-tema tal-barranin kienet biss waħda mit-temi li qajjem l-editur maniġerjali ta’ MediaToday Saviour Balzan, waqt l-ewwel dibattitu politiku bejn Joseph Muscat u Adrian Delia, li għall-kuntrarju tad-dibattiti li aħna mdorrija bihom kien wieħed ċivili, biż-żewġ mexxejja jagħtu ċans lil xulxin iwieġbu filwaqt li jirribattu l-argumenti.
Fuq it-tema tal-barranin, li hija fiċ-ċentru ta’ din il-kampanja elettorali u tal-kritika tal-Oppożizzjoni fuq il-Gvern, iż-żewġ mexxejja damu ħafna jitkellmu, b’Adrian Delia jtenni li l-uniku pjan li għandu l-Gvern huwa li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni, waqt li insista li dan mhuwiex sostenibbli, mhux biss għax il-pajjiż ma jiflaħx li jżid 12,000 barrani fis-sena, imma anke għax qed ikollu effett kemm fuq l-infrastruttura, it-traffiku u anke l-pagi tal-Maltin, fost l-oħrajn.
Iżda għal dan dlonk wieġeb il-Prim Ministru Joseph Muscat, li wissa lil Adrian Delia li l-Gvern ma jista’ qatt jagħlaq il-bibien tiegħu, aktar u aktar għal dawk li ġejjin minn pajjiżi oħra membri tal-Unjoni Ewropea.
Madanakollu, Delia dlonk wieġbu li hu ma għandu l-ebda problema bil-barranin, jiġu min fejn jiġu, basta jkun hawn pjan.
'Ma rridx Maltin jiġbru ż-żibel' - Muscat
Kien dan li wassal lil Joseph Muscat biex jisħaq li hu jixtieq li l-barranin f’pajjiżna jiġu jaħdmu fejn ikun hemm bżonn, waqt li insista li hu jrid li jkunu l-Maltin li jieħdu l-aqwa postijiet tax-xogħol u mhux il-barrani komdu u l-Malti jaqsam dahru.
“Ma rridx Maltin jiġbru ż-żibel,” insista Muscat iżda Delia dlonk wieġbu li b’dak li qed jgħid qiegħed joħloq soċjetà klassista.
Jien irrid li kull Malti u Maltija jsiru sinjuri żgħar Joseph Muscat
“Jiena rrid li l-ħaddiema barranin li jiġu Malta jkunu mgħallma biex nitgħallmu mingħandhom,” wieġbu Delia waqt li insista mal-Prim Ministru li jekk irid li l-Maltin ikollhom l-aqwa postijiet tax-xogħol irid jieħu ħsieb lill-għalliema u jindirizza r-rata ta’ studenti li jieqfu kmieni mill-iskola.
Dwar l-argument ta’ Delia, li l-għadd ta’ ħaddiema barranin qed iwasslu biex il-pagi tal-Maltin jibqgħu baxxi, il-Prim Ministru fakkar li taħt dan il-Gvern il-paga medja żdiedet kif żdiedet ukoll il-paga minima aktar minn qatt qabel.
“Jien irrid li kull Malti u Maltija jsiru sinjuri żgħar,” saħaq il-Prim Ministru waqt li ċaħad ukoll rapporti li f’Malta nstabu kuntratturi jħaddmu barranin għal €1 fis-siegħa.
Dwar il-kwistjoni tal-barranin, Muscat temm iwissi lil Delia li l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewroepa li kien jaħsibha bħalu fuq il-barranin, jiġifieri r-Renju Unit, spiċċa biex se jitlaq mill-Unjoni Ewropea.
Mina bejn Malta u Għawdex: x’qalu l-mexxejja?
Tul id-dibattitu, iż-żewġ mexxejja tkellmu dwar il-mina bejn Malta u Għawdex, b’Saviour Balzan jistaqsi lil Delia jekk hux qed ibiddel fehmtu dwarha u lil Muscat dwar jekk iħassbux l-impatt ambjentali.
Adrian Delia insista li l-Partit Nazzjonalista jaqbel li jkun hemm ħolqa permanenti bejn iż-żewġ gżejjer, iżda insista li qabel jridu jsiru r-rapporti u l-istudji kollha, jiġu ppubblikati u ssir konsultazzjoni dwarhom.
“Meta naraw ir-rapporti kollha nkunu nistgħu niddiskutu biex nieħdu d-deċiżjonijiet,” saħaq Delia.
Min-naħa tiegħu, Joseph Muscat insista li fil-vot li ttieħed fil-Parlament ġie deċiż li l-mina se ssir, waqt li wieġeb lil Delia u qallu li s-Social Impact Assessment sar u huwa pubbliku u bħalissa għaddejjin studji oħra, fosthom dawk ġeoloġiċi li huma ppubblikatu u se jkunu ppubblikati.
Saviour Balzan staqsiehom direttament jekk dwar il-mina għandhomx tħassib ambjentali, b’Adrian Delia jwieġbu li tħassib ambjentali hemm u għalhekk qiegħed jinsisti li l-ewwel għandhom jiġu ppubblikati u ssir diskussjoni fuq l-istudji kollha.
“Jien konvint li l-mina ssir,” kienet ir-risposta skjetta tal-Prim Ministru, waqt li insista li l-Oppożizzjoni mhux ċerta. Fl-istess nifs, ammetta li jista' jkun hemm problemi ambjentali wkoll. Semma possibbilità li minflok it-tħaffir, jitpoġġew bħal cables fuq wiċċ qiegħ il-baħar.
Innota li l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kien qed jakkuża lill-Gvern li qed ikaxkar saqajh, filwaqt li Adrian Delia qed jgħid li l-Gvern li qed jiġri. "Jekk forsi xi darba jaqblu..." temm jgħid Muscat fuq dan is-suġġett.
It-traffiku: kif wieġeb Muscat u x’soluzzjonijiet offra Delia?
Mistoqsi dwar it-traffiku, il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li l-pajjiż ma jistax jibqa’ jżid 1,000 karozza kull xahar u biex dan ma jseħħx, reġa’ dawwar id-diskors fuq il-barranin u insista li l-pajjiż ma jistax jibqa’ jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni.
Bħal fil-każ tal-argument dwar il-popolazzjoni, Delia insista li inutli jintefqu €750 miljun fit-twessiegħ tat-toroq jekk ikun hawn aktar karozzi milli jifilħu t-toroq.
“X’nagħmlu?”, staqsieh Muscat waqt li qallu li l-uniku soluzzjonijiet biex jonqsu l-karozzi huma li l-liċenzja tingħata meta persuna tagħlaq 21 sena, jew jogħlew il-prezzijiet tal-liċenzji jew inkella jkun hemm minimu ta’ kemm ikunu jistgħu jinħarġu karozzi ġodda fis-sena.
L-uniku soluzzjoni li offra Delia għal dan kollu huwa li l-pajjiż ikollu trasport pubbliku effiċjenti u vijabbli.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru tenna li l-Gvern qed jaħdem biex fis-snin li ġejjin, it-trasport pubbliku kollu jkun b’xejn għall-Maltin.
“Din hija l-mira tagħna u se naslu għaliha,” saħaq Muscat waqt li Delia wieġbu u qallu li “inutli jkollna trasport b’xejn u tasal siegħa u nofs tard.”
Delia semma wkoll is-sistema ta’ trasport tal-massa, bil-Prim Ministru dlonk jgħidlu li qed jikkontradixxi lilu nnifsu, għax fi kliemu, biex trasport tal-massa jkun sostenibbli, il-pajjiż ikollu bżonn aktar nies.
Bil-popolazzjoni kif inhi bħalissa, biex ikun sostenibbli, sistema ta’ metro tkun trid tiġi ssussidjata u biex il-Gvern jagħmel hekk, irid iżid it-taxxi, spjega Muscat.
Madanakollu, Delia wieġbu li l-istess se jkollu jagħmel jekk irid jagħti trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd.
“Jekk inneħħu l-korruzzjoni għandna biex nagħmlu sistema ta’ trasport tal-massa,” kompla jwieġbu Delia.
Governanza: iż-żewġ mexxejja jakkużaw lil xulxin li mhux kredibbli
Fil-fatt, ma setax jonqos li l-governanza tkun waħda mit-temi diskussjoni bejn iż-żewġ mexxejja politiċi, bit-tnejn li huma jakkużaw lil xulxin li mhumiex kredibbli u li qed jikkontradixxu lilhom infushom.
Beda l-Prim Ministru billi akkuża lill-Ewroparlamentari u d-Deputati Nazzjonalisti li kienu viċin persuni bħal Sven Giegold u Ana Gomes li kienu favur li jiskatta Artiklu 7 kontra Malta, li jfisser li Malta titlef il-vot tagħha fil-Kunsill u ma tkunx tista’ tapplika għal fondi.
Jekk inneħħu l-korruzzjoni għandna biex nagħmlu sistema ta’ trasport tal-massa Adrian Delia
Madanakollu, Delia insista li ħadd mill-Partit Nazzjonalista ma jrid li jiskatta dak l-Artiklu kontra Malta, waqt li qal lill-Prim Ministru li l-problema qiegħda mhux f’min jikkritika imma f’min jibqa’ jinjora rapport wara l-ieħor li fi kliemhom jikkundannaw l-aġir tal-Gvern u l-fatt li ħalla miegħu “nies li jtappnu r-reputazzjoni tal-pajjiż.”
“Għandu xi problema li jneħħieh jew ma għandux saħħa li jieħu passi?” staqsa Delia dwar il-Ministru Konrad Mizzi.
Għal dan dlonk wieġeb Joseph Muscat li insista li anke hawn Delia għandu problema kbira ta’ kredibbilità għax bl-istess kejl tiegħu kien imissu ilu li rriżenja.
Kien hawn li bdew botta u risposta bejn iż-żewġ mexxejja, b’Adrian Delia jfakkar lill-Prim Ministru li ġaladarba hu kien lest jirriżenja kieku nstab xi ħaġa kontrih fl-inkjesta Egrant, allura l-istess kellhom jagħmlu Konrad Mizzi u Keith Schembri.
“Joseph Muscat għandu riga li tgħodd għalih u ma tgħoddx għal sħabu,” insista Delia.
“Kif jiġġudikaw il-Maġistrati inkwerenti, jiena nieħu d-deċiżjonijiet,” wieġbu Muscat. “Jiena ma nitkellimx fuq l-allegazzjonijiet tiegħek ... Naf biss li jiena tlabt inkjesta fuqi u inti le.”
Inkjesta indipendenti fuq Daphne Caruana Galizia
Mistoqsija li seta’ jwieġeb biss il-Prim Ministru kienet dwar l-inkjesta pubblika u indipendenti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li qed jinsistu dwarha mhux biss il-familja, iżda anke diversi għaqdiet u rapporti internazzjonali, inkluż dak tal-Kummissjoni Venezja.
“Ma għandna l-ebda problema li ssir inkjesta fuq il-qtil ta’ Caruana Galizia kif ma kellix problema li ssir inkjesta fuqi,” saħaq il-Prim Ministru Joseph Muscat.
Iżda mistoqsi jekk din hux se ssir u meta, il-Prim Ministru insista li ma jistax ikun hemm inkjesta oħra għaddejja u li ttellef investigazzjoni li “miexja b’pass mgħaġġel,” biex jinqabad ukoll il-mandant.
Is-sondaġġi u l-futur politiku tal-mexxejja
Finalment ma naqsux mistoqsijiet dwar l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, b’Saviour Balzan jistaqsi lil Delia jekk hux lest jirriżenja jekk il-Partit Nazzjonalista ma jiksibx riżultat tajjeb.
“Jiena ġejt fdat mill-maġġoranza tat-tesserati Nazzjonalisti biex inwassal lill-Partit Nazzjonalista sal-elezzjoni ġenerali,” insista Delia.
Filwaqt li l-Prim Ministru insista li din hija elezzjoni bejnu u bejn Delia għax “kieku mhux qegħdin hawn niddiskutu,” il-Kap Nazzjonalista baqa’ jisħaq li din mhijiex elezzjoni bejn il-partiti.
Saħaq li l-mod ġdid li qiegħed jippreżenta hu ma jħarisx biss lejn il-partiti u l-mexxejja imma jħares ukoll lejn il-proposti. "Jiena dejjem ngħid ejja nħabbtu l-ideat," kompla Delia waqt li insista li d-diskussjoni f'din il-kampanja għandha tkun fuq il-kura dwar il-kanċer, il-fondi li jistgħu jinġiebu biex jitkabbru n-negozji u favur il-biedja, ir-raħħala u s-sajjieda, fost oħrajn.
Insista li fuq kollox, wieħed jeħtieġ jemmen u jara x'qed joffru l-kandidati, saħaq Adrian Delia.
Mistoqsi dwar is-sondaġġi u dwar il-fatt li jibqa’ dejjem iqis lilu nnifsu bħala l-‘underdog,’ il-Prim Ministru Joseph Muscat tenna li anke jekk f’din l-elezzjoni jkun hemm turnout qawwi daqs ta’ elezzjoni ġenerali, xorta waħda mhuwiex realistiku li l-Partit Laburista jirbaħ b’70,000 vot, waqt li insista li lanqas fuq in-numru ta' siġġijiet ma għandha tinqata' linja.
Huwa insista li f’elezzjoni, iż-żewġ partiti jitilqu mix-xejn, u waqt li għamel referenza għall-aħħar elezzjoni ġenerali fir-Renju Unit, Muscat saħaq li Theresa May rebħet iżda fil-verità tilfet, għax naqset il-voti, filwaqt li Jeremy Corbny tilef iżda rebaħ għax żied il-voti.
“Il-Partit Nazzjonalista qed jagħmel tajjeb ħafna li jnaqqas l-aspettattivi,” saħaq Muscat.