Arnold Cassola jagħmel bojkott lil Xarabank

...dan wara li ma ngħatax spazju fuq il-panel u minflok intalab iwieġeb mistoqsijiet mhux fuq il-politika

Il-kandidat indipendenti għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Arnold Cassola għażel li jagħmel bojkott lill-programm Xarabank wara li fi kliemu għażel li jagħti prominenza lill-kandidati tal-partiti l-kbar.

Illejla u l-ġimgħa d-dieħla, waqt Xarabank se jsiru dibattiti bejn il-kandidati, iżda skont Cassola, it-tnax-il kandidat li se jkunu fuq il-panel, se jkunu kandidati tal-Partit Nazzjonalista u tal-Partit Laburista.

Il-bqija tal-kandidati se jkunu fl-udjenza.

“Din hija l-idea ta’ Peppi ta’ fair coverage,’ saħaq Cassola waqt li qal li biex “jikkompensaw” offrewlu li jwieġeb mistoqsijiet ta’ “iva” jew “le” iżda mhux fuq il-politika.

“Irridu li joħorġu l-aspett uman. Xi ħlew. Għandhom ħames snin biex joħorġu l-aspett uman u ma jagħmlu xejn. Imbagħad iridu jagħmlu dan waqt kampanja elettorali, tliet ġimgħat qabel l-elezzjonijiet,” wieġeb Cassola.

Għall-kuntrarju, kompla Cassola, dan mhux se jgħodd għall-kandidati tal-PL u l-PN għax dawn se jkunu qed jitkellmu fuq il-politika.

More in Politika