L-Ewroparlamentari u l-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech appella lill-Gvern biex jassigura li jipprovdi l-aqwa magni lill-persuni dijabetiċi.
Huwa qal dan b’reazzjoni għal artiklu ppubblikat fuq il-gazzetta ILLUM li spjega kif diversi dijabetiċi qed jilmentaw mill-magni l-ġodda li qed joffri b’xejn il-Gvern biex ikunu jistgħu jiċċekjaw il-livell taz-zokkor fid-demm.
Fil-fatt, xejn inqas minn ħames spiżjara li tkellmu mal-ILLUM ilmentaw dwar il-fatt li huma ħafna dawk id-dijabetiċi li qed jilmentaw magħhom li l-magni mhux qed ikun preċiżi u qed jimmarkaw iz-zokkor għoli ħafna.
Dan kien ikkonfermat ukoll minn diversi persuni oħra li rreaġixxew għall-istorja tal-ILLUM.
B’reazzjoni għal dan, Zammit Dimech saħaq li ġaladarba huma importanti li d-dijabetiċi jiċċekjaw il-livell taz-zokkor fid-demm, il-Gvern għandu jipprovdi l-aqwa magni
Apparti minn hekk, l-Ewroparlamentari, li huwa wkoll ll-ko-president tal-grupp ta' ħidma tad-dijabete tal-Unjoni Ewropea, insista li l-Gvern għandu jżomm mal-wegħda tiegħu li jipprovdi l-continuous glucose monitors (CGM) b'xejn
“Irrispettivament mid-dikjarazzjoni tal-Gvern li dawn se jsiru disponibbli, il-familji qed jgħidu li t-tfal għadhom qed jistennew il-CGM,” saħaq Zammit Dimech.
Appella wkoll biex il-Gvern jara li mediċina importanti ħafna għad-dijabetiċi u li tiswa bejn €60 u €130 tkun ipprovduta b'xejn bħal ma jiġri fi stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea.
Aqra aktar fid-dettall dak li qalu mal-ILLUM spiżjara u pazjentin dwar dawn il-magni u kif wieġeb il-Gvern.