Il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li hu għadu impenjat li jippubblika r-rapport sħiħ tal-inkjesta Egrant iżda insista li l-parir tal-Avukat Ġenerali għadu bil-kontra.
Meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Prim Ministru saħaq li l-Avukat Ġenerali qed jgħidlu "ċar u tond" li jekk ir-rapport ikun ippubblikat issa jkun qiegħed jippreġudika l-investigazzjonijiet.
Intant, l-Oppożizzjoni qed tinsisti li minkejja li din il-ġimgħa l-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet it-talba ta' Adrian Delia biex jingħata kopja sħiħa tar-rapport, qalet ukoll li r-riżultat tal-inkjeta Egrant huwa ta' importanza nazzjonali u fl-interess pubbliku.
Kien għalhekk, li fl-aħħar jiem, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia insista aktar minn darba li mhux se joqgħod kwiet qabel il-poplu jkun jaf x'fihom l-1,400 paġna f'dan ir-rapport.
Ilbieraħ saħansitra qal li f'dawk l-1,400 paġna hemm informazzjoni li ma taqbilx għal widnejn il-Partit Laburista.