'Is-suldati akkużati bil-qtil ta' Lassana kellhom kondotta nadifa meta daħlu fl-armata' - FAM

L-Armata tirreaġixxi għall-arrest taż-żewġ suldati u tisħaq li dan il-każ ma jirriflettix it-twemmin u l-valuri tal-membri tal-Forza

Il-Forzi Armati ta’ Malta spjegat kif iż-żewġ suldati li lbieraħ tressqu l-Qorti akkużati bil-mewt ta’ Lassana Cisse Souleymane daħlu fil-Forza madwar sena u nofs ilu u l-kondotta tagħhom kienet waħda nadifa.

Fl-ewwel stqarrija tagħha, wara din l-aħbar li xxokkjat pajjiż, il-Forzi Armati spjegat kif iż-żewġ suldati inkwistjoni daħlu fil-Forza fl-istess ingaġġ iżda kienu jaħdmu f’sezzjonijiet separati, u bl-ebda konnessjoni ma’ xi xogħol relatat direttament mal-immigranti

Saħqet li kemm ilhom suldati, ir-rekord tagħhom ta’ dixxiplina kien wieħed nadif.

Dwar il-fatt li wieħed mis-suldati akkużati huwa reċediv, il-Forzi Armati spjegat li r-reat li wettaq seħħ qabel l-ingaġġ tieħu u d-deċiżjoni dwaru ttieħdet wara li kien ilu ftit taż-żmien suldat.

“Il-każ ma kienx meqjus wieħed gravi li jimmerita tkeċċija u filfatt is-sentenza mogħtija mill-Qorti fil-konfront tiegħu kienet waħda ta’ libertà kundizzjonata, anke wara li ġie kkunsidrat li kien għadu minuri,” spjegat l-istqarrija.

Fakkret li bħala organizzazzjoni, hi tieħu ħsieb offiżi militari u mhux kriminali u għal offiżi kriminali, tħalli f’idejn l-awtoritajiet kompetenti, inkluż il-Pulizija u l-Qrati, biex membri tagħha jiġu proċessati bħal kwalunkwe ċittadin Malti ieħor.

'Dan ma jirriflettix it-twemmin u l-valuri tal-membri tal-Forza'

L-istqarrija kompliet titkellem dwar dan il-każ u ddeskrivietu bħala xokkanti “iktar u iktar meta wieħed iqis is-sagrifiċċji, l-impenn u d-dedikazzjoni tal-membri tagħha li jaħdmu qatigħ lejl u nhar sabiex isalvaw dawn il-ħajjiet, u mhux itemmuhom.”

Insistiet li xogħol tagħha jsir bla ebda distinzjoni lejn nazzjonalità, kulur u sess.

“Dan is-sens ta’ xokk huwa evidentissimu fil-membri l-oħra kollha tal-Forza li, apparti s-sogħba tagħhom għal tali telf ta’ ħajja, qed jaraw ukoll il-ħidma sfieqa tagħhom tiġi b’xi mod imtappna minn dan l-aġir kundannabli. Ċertament dan ma jirriflettix it-twemmin u l-valuri tal-membri tal-Forza,” insistiet l-istqarrija.

Il-FAM tmur lilhinn mill-prassi u tikseb ordni mill-President għas-sospensjoni tal-akkużati

Il-FAM spjegat kif normalment, f'każi ta’ natura serja, taħtar immedjatament Bord ta’ Uffiċjali li jagħti r-rakkommandazzjonijiet tiegħu fuq kif għandu jitħaddem l-individwu u x’restrizzjonijiet għandhom jiġu imposti fuqu. Meta każ imbagħad jiġi deċiż mill-Qorti, il-FAM tevalwa sew l-offiża u s-sentenza mogħtija kif ukoll il-kondotta tal-individwu fuq il-post tax-xogħol, u abbażi ta’ dan tikkunsidra żżommux jew le fis-servizz.

Madanakollu, spjegat kif f'dan il-każ partikolari minħabba “il-gravità u s-severità tiegħu,” l-FAM iddevjat mill-prassi.

Fil-fatt, spjegat kif minnufih rat kif tikseb ordni mill-President tar-Repubblika, bis-saħħa tal-Ministru responsabbli għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, liema ordni tissospendi lill-akkużati mis-servizz b'effett immedjat.

“Kontemporanjament, il-Kmandant tal-FAM ħa wkoll il-passi kollha neċessarji biex iniedi inkjesta interna li, fost affarijiet oħra, hija inkarigata wkoll li taċċerta jekk dan kienx akkadut iżolat minn żewġ individwi jew jekk hemmx gruppi oħra jew tħassib ta’ natur ksenofobika fil-FAM. Il-Bord inkarigat b'din l-inkjesta huwa kompost minn uffiċjali għolja fi ħdan il-FAM u li għandhom il-kompetenza wkoll li jagħmlu rakkomandazzjonijiet addizzjonali skont dak li jirriżulta matul l-inkjesta tagħhom,” spjegat l-armata.

Irreferiet ukoll għal allegazzjonijiet oħra li saru fuq trattament diskriminatorju bejn membru u ieħor fl-FAM u saħqet li dan mhux il-każ.

More in Politika