Tard wara nofsinhar, għall-ħabta tal-4:00 pm kien ippublikat l-aħħar aġġustament fid-distakk bejn il-partiti, li kien ta 51,600 vot favur il-Partit Laburista
Iktar kmieni: Dalgħodu l-Prim Ministru Joseph Muscat iddikjara r-rebħa "storika" għall-Partit Laburista u qal li l-indikazzjonijiet li għandu l-Partit Laburista huma li d-distakk huwa dak ta' madwar 19%, jiġifieri madwar l-45,000.
Dan ifisser, kompla jispjega l-Prim Ministru, li l-Partit Laburista x'aktarx li rebaħ ukoll ir-raba' siġġu fil-Parlament Ewropew.
Meta l-Prim Ministru kien qed jagħmel id-dikjarazzjoni fuq TVM, l-aġenti tal-partiti fis-sala tal-għadd tal-voti, infexxew iħabbtu u jgħajtu "Joseph huwa l-mexxej!"
Muscat qal li dan ir-riżultat huwa ċertifikat għall-Gvern li jmexxi u anke messaġġ kontra l-firda.
Din tal-lum tfisser il-ħames rebħa kbira għal Joseph Muscat u l-Partit Laburista.
Ibieraħ ħarġu jivvutaw 70% ta' dawk il-persuni li kienu eleġibbli, bit-turnout ikun l-akbar baxx fid-disretti meqjusa Nazzjonalisti.
Ħadd mill-Partit Nazzjonalista għadu ma kkummenta, għalkemm is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli, aktar kmieni ddikkjara li l-fatt li t-turnout kien baxx fl-għaxar distrett huwa indikattiv tar-riżultat.