Bħall-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonlista Robert Arrigo, id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo ftit li xejn deher inkwetat bit-telfa kbira li ġarrab il-Partit Nazzjonalista, hekk kif ma' dan is-sit saħaq li d-distakk seta' kien akbar.
Mistoqsi x'jaħseb li se tkun it-triq 'il quddiem wara dan ir-riżultat, Vassallo insista biss li d-distakk bejn il-partiti huwa l-istess wieħed daqs tal-Elezzjoni Ġenerali tal-2017, anke jekk fil-verità dan huwa akbar.
Vassallo insista wkoll magħna li skont is-sondaġġi, il-Partit Nazzjonalista suppost ġarrab telfa akbar.
"Aħna naqqasna d-distakk mis-sebgħin elf li kienu qed jgħidu s-sondaġġi," insista d-Deputat.
Fil-fatt, din donnha li se tkun ir-retorika tal-Partit Nazzjonalista għal dan ir-riżultat, hekk kif qalha s-Segretarju Ġenerali Clyde Puli u rrepetewha ma' dan is-sit kemm Arrigo u anke Vassallo.
Huwa saħaq li dak kollu li l-Partit Nazzjonalista kkampanja dwaru huwa fatt.
"Jiena nawgura li jekk rebaħ il-Partit Laburista, jirbaħ il-poplu Malta. Issa rridu naraw maż-żmien din ir-rebħa kif se tissarraf," insista Vassallo.