Waqt li kien qiegħed jitkellem f’konferenza stampa, il-President tal-MHRA Tony Zahra ta parir lil dawk li qegħdin jaspiraw biex jidħlu fis-settur tal-lukandi sabiex 'jaħsbuha darbtejn'.
Skont Zahra, dan is-settur gawda minn ħames snin ta’ suċċess, iżda issa hemm wisq lukandi li qed joperaw f'Malta.
“Fl-2008 kien hemm kriżi finanzjarju li ma kinitx tort ta’ Malta, dakinhar kulħadd waqaf jivvjaġġa. Kaġun ta' hekk il-lukandi ħadu daqqa ’l isfel u damu ħames snin qabel man-numri reġgħu ġew tajbin.”
Żied jgħid li, “kellna ħames snin tajbin, grazzi għax-xogħol tajjeb ta’ kulħadd. Iżda, kif jiġri ħafna drabi, hekk kif xi ħaġa tkun qed tagħmel suċċess, lukandi oħra bdew jinfetħu, u għalhekk irridu nħarsu lejn is-sostenibbiltà. Il-Provvista se tkun aktar mid-domanda” saħaq Zahra.
Għalhekk, il-President appella lil dawk kollha li kienu qed jaħsbuha biex jibdew proġett simili sabiex jaħsbuha sew.
“Aħsbuha darbtejn u iċċekkjaw jekk m’hemmx biżżejjed domanda għaliha."
Skont stħarriġ li għamel BOV Deloitte u li kien ippublikat illum waqt il-konferenza li organizzat l-MHRA, fl-ewwel tliet xhur tas-sena 2019, jidher li kien nuqqas fl-ammont ta' ljieli li t-turisti għamlu f’lukandi tal-4 u 5 stilel. Hu mifhum li dan in-nuqqas kien jammonta għal 5.5%.
Minkejja dan, il-wasliet tat-turisti żdiedu b’2.8% filwaqt li l-iljieli li t-turisti għamlu f'Malta żdiedu bi 4.2% matul l-istess perjodi. “Filwaqt li dawn in-numri żdiedu huma inqas minn dawk irreġistrati fis-snin preċedenti,” qal il-konsulent finanzjarju Raphael Aloisio.
Minn naħa tiegħu, il-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li l-akkomodazzjoni privata hi realtà ċara f’Malta kemm mill-perspettiva tal-provvista kif ukoll tad-domanda tal-konsumatur. Mizzi spjega li dan is-settur kiber b’mod sostanzjali fl-aħħar żmien u li ħafna turisti qed jagħżlu dan minflok lukandi biex joqgħodu f’Malta.
Fid-dawl ta’ dan, l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta laħqet ftehim mas-sit popolari tal-ivvjaġġar, Booking.com u li issa kull min joffri servizz ġdid ta’ akkomodazzjoni bħal appartament self-service, se jkollu jdaħħal in-numru tal-liċenzja tal-MTA fuq l-istess websajt.