Ħabs għal sidt ta' bar f'Għajnsielem li kienet qed tbigħ id-droga
Il-Pulizija waqqfet diversi persuni wara li ħarġu mill-ħanut u li nstabu li kellhom fuqhom id-droga
More in Politika
Il-Pulizija waqqfet diversi persuni wara li ħarġu mill-ħanut u li nstabu li kellhom fuqhom id-droga
Sidt ta’ ħanut tax-xorb f’Għajnsielem ingħatat sentenza ta’ sitt snin ħabs wara li nstabet ħatja b’bejgħ tad-droga fl-istess ristorant tagħha.
Il-mara li għandha 45 sena, tressqet il-Qorti akkużata li kienet qed tissupplixxi u tqassam il-kokaina, b’pussess aggravat ta’ sustanzi illegali u li kienet qed titraffika d-droga viċin skola.
Fis-sajf tal-2013, il-Pulizija kienet irċeviet informazzjoni li xi ħadd kien qed iqassam id-droga fi Snack Bar partikolari f’Għajnsielem.
Xhud qal li żewġ persuni daħlu f’dan ir-ristorant u telqu ftit tal-minuti wara. Wieħed minnhom twaqqaf mill-Pulizija u nstab li kellu żewġ basktijiet kokaina.
Il-Pulizija baqgħet tosserva l-ħanut u rat lis-sidt ħierġa mill-bar, taqsam it-triq u tagħti pakkett tas-sigaretti lil persuni li waqqfu bil-karozza.
Ftit tal-jiem wara, il-Pulizija waqqfet diversi persuni li telqu mill-bar u f’ħafna mill-każi sabet li kellhom fuqhom id-droga.
Kien dan li wassal lill-Pulizija biex twettaq tfittxija fil-bar fejn sabet kaxxa tal-metall u li fiha kien hemm pakkett tas-sigaretti mimli pakketti żgħar bid-droga.
Fil-kamra tal-banju, il-Pulizija sabet ukoll traċċi tad-droga.
Diversi persuni interrogati kkonfermaw ukoll li kienu jixtru d-droga mill-istess ħanut.
Il-prosekuzzjoni spjegat kif l-akkużata ammettiet mill-ewwel l-akkużi u kkoperat mal-Pulizija.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti saqħet kif filwaqt li tifhem kif l-akkużata kienet għaddejja minn żmien diffiċli minħabba kwistjonijiet familjari dan bl-ebda mod ma jiġġustifika r-reati.
Għalhekk hija nstabet ħatja tal-akkużi kollha u ngħatat sentenza ta’ sitt snin ħabs u ntalbet tħallas multa ta’ €5,000.